Il-preżentatur tal-programm Wonderball, Etienne Schembri, kiteb fuq il-midja soċjali sabiex jistqarr li hu kontra l-mod kif filmati qosra meħudin mill-programm tiegħu qed jixxandru fuq l-internet.
Il-programm huwa forma ta’ kwiżż fejn il-kontestanti jkunu mitlubin iwieġbu mistoqsijiet sabiex jirbħu somom ta’ flus, liema tweġibiet mhux dejjem ikunu tajbin. Anzi, il-filmati li qed jirreferi għalihom juru l-kontestanti jwieġbu ħażin, b’ruxmata ta’ kummenti jiddieħqu bl-iżballji tal-kontestanti.
F’wieħed mill-filmati, hu jidher jistaqsi żewġ kontestanti fejn intefgħu iż-żewġ bombi atomiċi li bihom twaqqfet it-Tieni Gwerra Dinjija, bit-tweġiba t-tajba tkun iż-żewġt ibliet Ġappuniżi Hiroshima u Nagasaki. Madanakollu, il-kontestanti jwieġbu li l-Birgu.
F’ieħor, hu jsaqsi l-kontestanti fejn jinsabu l-Istonehenge, sit preistoriku fl-Ingilterra. Però, wieħed mill-kontestanti jwieġeb li dawn jinsabu l-Imqabba, probabilment wara li ħawwadhom mat-tempji ta’ Ħaġar Qim li jinsabu l-Qrendi.
Filmat ieħor, din id-darba mill-programm Tough Luck, juri ritratti tal-Arc de Triomphe f’Pariġi, bit-tweġiba mogħtija tkun dak li is-sit huwa Bieb il-Bombi.
Schembri saħaq li tul l-aħħar ftit ġimgħat, ra diversi nies, fosthom politiċi u eks-politiċi, “jirredikolaw lill-parteċipanti.” Għalih, dan “m’hu xejn għajr bullying.”
Hu nnota l-ipokrezija tal-bosta messaġġi li jittellgħu fuq il-midja soċjali bil-għan li jinħoloq għarfien dwar is-suwiċidju, meta l-istess nies kienu dawk li “żżuffjettaw b’żewġ konkorrenti li wieġbu mistoqsija ħażina u forsi wkoll ġabulhom għal mument ħajjithom miżerja.”