Malta bl-ogħla żieda fil-popolazzjoni u l-inqas trabi mwielda fl-Unjoni Ewropea

L-ILLUM tkellmet mal-ekonomista Dr. Gordon Cordina sabiex tiddiskuti x’hemm wara dawn l-istatistiċi, x’jorbothom flimkien, u xi jfissru għall-ekonomija u l-ħajja f’pajjiżna 

Skont statistika maħruġa mill-Eurostat il-popolazzjoni ta’ Malta kienet madwar nofs miljun, l-inqas fost il-membri tal-Unjoni Ewropea kollha. Minkejja dan, tibqa’ l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn jgħixu nies għal kull metru kwadru, jiġifieri għandha l-aktar popolazzjoni kkonċentrata f’post wieħed. Mill-2012 sal-2022, Malta rat żieda ta’ 24.8% fil-popolazzjoni tagħha, jiġifieri żdiedet kważi bi kwart. Din kienet l-ogħla żieda fost il-membri tal-Unjoni Ewropea kollha, segwita mil-Lussemburgu (23%) u l-Irlanda (madwar 11%).  

Dwar dan tkellimna mal-ekonomista Dr. Gordon Cordina, fejn spjega r-raġunijiet u l-effetti ta’ dak li qed iseħħ. Cordina jgħid li kull strateġija għall-iżvilupp li għandha impatti demografiċi għandha tkun ippjanata b’mod olistiku. Stqarr kif wieħed ma jistax jikkunsidra biss ix-xogħolijiet u l-ħaddiema. Irid jikkunsidra li dawn il-ħaddiema għandhom bżonn post fejn joqgħodu, servizzi tas-saħħa, servizzi ta’ trasport u edukazzjoni, fost oħrajn. B’hekk, Cordina jisħaq li hija imperattiva li wieħed jaċċerta li l-infrastruttura tiflaħ għal dan l-influss ta’ persuni. 

Madanakollu, fl-2021, Malta kellha l-aktar rata ta’ fertilità baxxa fl-Unjoni Ewropea kollha, dik ta 1.13. Dan ifisser li għal kull mara f’Malta qed jitwieldu 1.13-il tarbija. Għall-kuntest, huwa stmat li din għandha bżonn tkun ta’ 2.1 sabiex il-popolazzjoni tibqa’ stabbli.  

Meta mistoqsi għalfejn jaħseb li l-ammont ta’ trabi mwielda f’Malta għal kull mara qed jonqos, Cordina stqarr li hemm diversi fatturi li wieħed irid jinnota. Aktar ma’ jmur, aktar nies qed jimmiraw għal tragwardi akkademiċi, ferm aktar minn ġenerazzjonijiet passati, filwaqt li hemm ukoll emfasi fuq il-karrieri. B’hekk, qed ikollhom anqas ħin x’jiddedikaw għat-tfal. 

Barra minn hekk, il-piż finanzjarju sabiex persuna tibda’ familja dejjem qed jogħla wkoll, partikolarment il-prezzjijiet tal-proprjeta. “Ħabba f’hekk, in-nies qed jagħżlu, jew forsi qed ikunu sfurzati miċ-ċirkostanzi, li jkollhom it-tfal aktar tard, ikollhom anqas tfal, jew ma jkollhomx tfal kompletament.”  

Jaffettwa wkoll il-fatt li numru ta’ ħaddiema barranin li qed jiġu f’Malta huma nisa, u ħafna minn dawn jiġu hawn għal perjodu ta’ żmien definit u b’hekk m’għandhomx ambizzjoni li jibdew familja f’Malta tul dak il-perjodu. B’hekk, l-istatiska titbaxxa. 

Cordina jemmen li fil-futur, in-nisa se jkomplu jemanċipaw rwieħhom u l-irġiel se jkomplu jxeqilbu lejn kultura ta’ familja, u b’hekk aktar nies se jagħżlu li jkollhom aktar tfal. Din diġà ġrat f'pajjiżi oħra li għaddew mill-istess ċiklu. Però, din tirrikjedi li l-pagi jogħlew b’rata aktar għolja minn dik tal-għoli tal-ħajja, kif ukoll li l-valuri jinqelbu minn dawk iffukati fuq konsum eċċessiv għal oħrajn aktar relatati ma’ familji. 

Meta mistoqsi jekk is-sitwazzjoni tiġix agħar meta wieħed jikkunsidra li ammont sostanzjali ta’ żgħażagħ jgħidu li jixtiequ jmorru jgħixu barra, Cordina kkummenta li hawn ħafna żgħażagħ barranin qed jagħżlu li jiġu f’Malta wkoll. Għalih, hija importanti li ż-żgħażagħ Maltin iqattgħu żmien jistudjaw u jaħdmu barra minn Malta. Dan speċjalment, meta wieħed jikkunsidra li aktar mar jmur, id-dinja qed tiġi aktar u aktar globalizzata. 

Minkejja dan, skont Cordina, hija essenzjali li Malta tkun post fejn wieħed jista’ jitgħallem, jiżviluppa lilu nnifsu kulturalment, jaħdem u jgawdi kwalità ta’ ħajja tajba. “Hija aktar importanti li niffokaw id-diskussjonijiet tagħna fuq din, billi nikkalkulaw il-kwalita’ ta’ ħajja taż-żgħażagħ f’Malta u kif din tista’ titjieb, milli nispekulaw fuq kemm żgħażagħ jixtiequ jitilqu barra,” żied Cordina. 

Madanakollu l-età medja tal-popolazzjoni kollha Maltija baqgħet stabbli mis-sena 2010 ‘il quddiem, fejn dejjem baqgħet madwar 40 sena. Cordina jgħid li din hija peress li ż-żieda fl-età medja taċ-ċittadini Maltin qed tagħmel tajjeb għaliha ż-żieda fil-ħaddiema barranin li ġew f’Malta, li huma ta’ età medja aktar baxxa. 

Relatat ma’ dan, huwa stmat li l-barranin jammontaw għal ftit aktar minn 20% tal-popolazzjoni. Dawn jinkludu nies b’ċittadinanza Ewropea kif ukoll nies minn pajjiżi terzi. F’din l-istatistika, Malta qiegħda fit-tieni post fl-Ewropa kollha, wara l-Lussemburgu (47.1%).  

L-ILLUM staqsiet lil Cordina jekk l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin neċessarja għall-ekonomija, partikolarment biex nissalvagwardjaw il-penzjonijiet, fid-dawl tal-fatt li r-rata tal-fertilità qed titbaxxa. Hu wieġeb li hemm tlett fatturi sabiex dawn ikunu siguri. 

L-ewwel wieħed huwa l-preżenza ta’ biżżejjed ħaddiema; li pajjiż ikollu biżżejjed ħaddiema li t-taxxi tagħhom jagħmlu tajjeb għall-pensjonijiet. It-tieni huwa li l-produttività ta’ dawn il-ħaddiema tiżdied, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet fin-numri, b’hekk l-ekonomija tikber xorta waħda. 

It-tielet fattur huwa li s-sorsi tad-dħul tal-pensjonanti ikun aktar diversifikat, u dawn ma jiddependux biss mill-pensjonijijiet. Dan, skont Cordina jsir billi jkun hemm aktar tfaddil personali, kif ukoll li jibqgħu parteċipi fid-dinja tax-xogħol b’mod imnaqqas, fost mezzi oħrajn. 

More in Socjali