Jinħatru 34 Surġent tal-Pulizija ġodda
“Tibżgħux tieħdu d-deċiżjonijiet wara li tisimgħu lin-nies,” appellalhom il-Ministru Byron Camilleri
More in Socjali
“Tibżgħux tieħdu d-deċiżjonijiet wara li tisimgħu lin-nies,” appellalhom il-Ministru Byron Camilleri
F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana, ppreseduta mill-Ministru għall-Intern, Sigurtà, Riformi u l-Ugwaljanza, Dr Byron Camilleri u mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, 34 kuntistabbli ġew promossi fil-grad ta’ Surġenti.
Dawn se jkunu stazzjonati f’diversi taqsimiet, li jinkludu l-Gender Based and Domestic Violence Unit (GBDVU), l-FCID, Border Control, u l-Laboratorju Forensiku.
F’diskorsu, il-Ministru Camilleri stqarr li, “l-grad ta’ surġent huwa wieħed mill-iżjed importanti, li jġib miegħu responsabilitajiet ġodda, inkluż ta’ tmexxija. Huwa għamel appellalhom biex ma jibżgħux jieħdu d-deċiżjonijiet wara li jisimgħu lin-nies u li jkunu t-tarka tas-soċjetà.
Huwa saħaq li l-investiment tal-Gvern fil-Pulizija se jkompli, kemm fit-taħriġ u l-għodda, kif ukoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fosthom ftehim kollettiv ġdid li se jkompli jibni fuq dak ta’ ftit snin ilu. Barra minn hekk, se jkun qed jaffettwa l-wegħda tal-baġit tas-sena 2023, li tirregwarda l-pensjoni ta’ dawk li jagħżlu li jkomplu jaħdmu wara 25 servizz.
Il-Kummissarju tal-Pulizija is-Sur Angelo Gafà qal, ”il-ħatra tal-lum hija pass importanti fil-karriera ta’ dawn is-surġenti l-ġodda. Il-Korp tal-Pulizija qiegħed jaħdem f’soċjetà li qiegħda tkompli tinbidel u għalhekk irridu nadattaw għal din il-bidla.”
“Intom għandkom tkunu issa l-aġenti tal-bidla u għalhekk din hija opportunità li mil-lum il-quddiem tagħmlu l-bidla u tkunu mexxejja b’viżjoni li timmotivaw lill-kollegi tagħkom. Il-kariga ta’ surġent iġġorr magħha responsabbilità u għalhekk ġibu lill-klijenti fiċ-ċentru tal-operat tagħkom, u kunu kontabbli, ġusti, onesti, integri u ta’ servizz lejn il-poplu”, kompla jżid.
Dawn il-ħatriet saru wara kors ta’ 12-il ġimgħa fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja. It-taħriġ inkluda investigazzjonijiet ta’ inċidenti tat-traffiku, informazzjoni dwar il-liġijiet kriminali u proċeduri fil-Qorti, investigazzjonijiet fuq xeni ta’ reati, tagħrif dwar l-ingaġġ mal-komunità, kif għandhom jgħinu lill-vittmi tal[1]kriminalità, kif ukoll informazzjoni fuq d-drittijiet fundamentali u l-kodiċi tal-etika tal-Pulizija.