X’aktarx li l-prezzijiet tal-ikel se jogħlew iktar fiż-żmien li ġej
L-ekonomista lokali Clint Flores jesprimi t-tħassib tiegħu ma’ din il-gazzetta għall-eventwalità kbira li l-prezzijiet ta’ diversi prodotti tal-ikel se jkomplu jogħlew fix-xhur li ġejjin
minn Matthew Farrugia / Shaban Ben Taher
Il-Maltin u l-Għawdxin għandhom jistennew li l-prezzijiet tal-ikel jogħlew fiż-żmien li ġej minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, wara attakki kontinwi mir-Russja fuq l-infrastruttura tal-qmugħ.
Dan qed iseħħ wara li r-Russja ħarġet minn ftehim li kien kruċjali għall-provvista tal-ikel madwar id-dinja, bir-riżultat ta’ dan ikun aktar żidiet fil-prezzijiet tal-ikel globalment, kif ukoll miljuni ta’ persuni bi problemi serji ta’ provvista tal-ikel. Analisti internazzjonali diġà qed janteċipaw li s-sigurtà tal-ikel se tieħu daqqa f’bosta pajjiżi madwar id-dinja.
Lura f’Lulju li għadda, skada dak li kien magħruf bħala l-ftehim tal-Baħar l-Iswed, ftehim li kien jassigura l-passaġġ sigur tal-vapuri li jġorr l-qmuħ minn portijiet Ukreni. Il-President tar-Russja Vladimir Putin ħabbar li mhux se jkun qed iġedded il-ftehim, wara li allega li dan ma kienx l-iskop veru tal-ftehim.
Minbarra t-tmiem ta’ dan il-ftehim, hemm ukoll il-kwistjoni tat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-qamħ mill-Ukranja. Qabel il-bidu tal-gwerra fl-Ukranja, il-pajjiż kien il-ħames l-akbar esportatur tal-qamħ fid-dinja, li kien jikkontribbwixi għal 10% tal-esporti globali kollha, skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u Żvilupp.
Il-President tal-Ukranja Volodymyr Zelensky ħabbar fl-istess xahar li r-Russja qiegħda tagħżel li tattakka faċilitajiet industrijali sabiex twaqqafha milli tesporta l-qamħ lejn il-bqija tad-dinja. Fost dawn, kien hemm l-attakki fuq il-port ta’ Izmail fit-23 t’Awwissu, fejn il-kapaċità tal-port tnaqqset b’15% u 13,000 tunnellata ta’ qamħ ġiet meqruda.
Dan il-port kellu jiżdied fl-importanza, hekk kif jagħmel parti mix-xmara Danube, li saret ir-rotta prinċipali tat-trasport tal-qamħ wara l-kollass tal-ftehim tal-Baħar l-Iswed.
Dwar dan, l-ILLUM tkellmet mal-ekonomista Clint Flores li jsegwi mill-viċin ix-xena Ewropea u dik internazzjonali. Flores iddeskriva dawn l-attakki bħala attentat mir-Russja biex jagħmlu l-aktar ħsara possibbli billi jużaw l-ikel bħala arma kontra l-Punent, iżda anke kontra l-aktar pajjiżi vulnerabbli.
“Apparti l-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u dawk tal-Punent, dawn l-attakki se jaffettwaw l-aktar dawk il-pajjiżi li għandhom provvista ta’ ikel bagħtuta. Dawn se jispiċċaw bla ikel,” spjega Flores b’mod skjett. Huwa nnota li r-Russja qiegħda f’pożizzjoni li tagħmel dawn l-attakki li se jaffettwaw miljuni madwar id-dinja, minħabba li l-provvista tal-ikel tagħha hija aktar sigura.
Dan isir b’detriment għall-bqija tad-dinja, hekk kif minħabba dawn l-attakki l-prezzijiet tal-ikel jogħlew bil-mod, u l-effetti jieħdu l-ħin sakemm jaslu għas-swieq lokali u jinħassu mill-konsumaturi. Flores saħaq fuq il-possibilità kbira li l-prezzijiet ta’ numru ta’ prodotti f’Malta jogħlew, u antiċipa li dawn iż-żidiet se jinħassu mill-konsumaturi Maltin u Għawdxin sa Ottubru jew Diċembru li ġej.
Apparti l-effetti fuq is-swieq lokali u dawk tal-pajjiżi tal-Punent, Flores bassar kriżijiet ferm akbar u indiretti li jistgħu iseħħu minħabba dawn l-attakki. Dan hekk kif meta l-prezzijiet jeskalaw u jkunu wisq għoljin għall-pajjiżi tat-tielet dinja, l-ewwel impatt li se jinħass f’dawn il-pajjiżi huwa l-ġuħ kbir fost il-poplu.
Jekk dawn l-effetti ma jiġux mitigati mill-aktar fis possibbli, Flores qal li dan iwassal għal instabbilità kbira f’dawn il-pajjiżi, u eventwalment ikun hemm mijiet ta’ eluf ta’ nies minn madwar id-dinja li jkollhom jitilqu minn pajjiżhom minħabba dawn l-isfidi.
Għalhekk, Flores saħaq li jekk dawn l-attakki krudili mir-Russja jibqgħu iseħħu, hemm ċans li tinħoloq instabbilità ‘lil hinn mill-Ukrajna, hekk kif jekk ikomplu jseħħu mingħajr mitigazzjoni mill-Punent, dan jista’ jwassal ukoll għal kriżi ta’ immigrazzjoni mill-aktar pajjiżi foqra fid-dinja.