Sofferenza fis-skiet: l-istorja wara x'iwassal għas-suwiċidji

Is-suwiċidju jibqa' pjaga soċjali li jkisser il-ħajjiet ta' numru ta' familji madwar Malta. Għalhekk, din il-gazzetta tkellmet ma' Victim Support Malta, fejn l-appell jibqa' sabiex wieħed li qed jgħaddi minn żmien diffiċli jagħmel l-ewwel pass u jfittex l-għajnuna

Skont rapport maħruġ min-Nazzjonijiet Uniti lura f’Marzu li għadda, il-poplu Malti isib ruħu fis-37 post fil-klassifika ta’ kemm huma kuntenti ċ-ċittadini f’pajjiż. Bejn wieħed u ieħor, dan huwa madwar il-medja fost il-pajjiżi kollha Ewropej. Madankollu, importanti li wieħed jitfa’ dawl fuq is-sitwazzjoni kurrenti; li hawn nies li qed ibatu fis-skiet, u mhux kollox ward u żgħar għal kulħadd. 

Victim Support Malta hija għaqda non-governattiva li sservi prinċiparjament sabiex tagħti sapport u għajnuna lil vittmi ta’ reati kriminali bħal serq, frodi, vjolenza domestika u abbuż sesswali. Dawn is-servizzi jinkludu sapport emozzjonali sabiex wieħed jegħleb it-trawma li jkun għadda minnha, kif ukoll għajnuna legali f’kemm dik li tirregwarda protezzjoni kif ukoll proċedura. 

Tkellimna mal-Kap tas-Servizzi, Karin Cassar, fejn l-ewwelnett staqsejniha dwar jekk ir-rati tas-suwiċidji f’Malta hux qed jogħlew, jonqsu jew jibqgħu stabbli. 

Hi wieġbet li fis-sena 2022, kien hemm medja ta' tnejn min-nies fix-xahar li mietu b'suwiċidju, b'total ta' 24 persuna li mietu b'suwiċidju f'dik is-sena, li teskludi 111-il attentat. S'issa, f'din is-sena jidher li hemm bejn wieħed u iehor l-istess medja tas-snin precedenti. Minkejja dan, xorta waħda saħqed li, “sena wara sena, qegħdin jaraw li r-rata ta' nies li jagħmlu jew jattentaw suwicidju qed tiżdied.”  

Madankollu, is-sena 2021 kienet partikolarment kerha, fejn kien hemm 34 persuna li temmew ħajjithom permezz ta’ suwicidju. “Wieħed jista’ jinterpreta li meta wiehed jesperjenza bidliet drastiċi, bħal pereżempju il-pandemija, u bidliet ohrajn li jagħmlu l-ħajja izjed ikkumplikata, jirrifletti fl-ammont ta' nies li jaslu jikkunsidraw itemmu hajjithom,” irrimarkat Cassar.  

Hi spjegat xi jkun qed jaħseb persuna li jkun wasal f’sitwazzjonijiet ta’ din ix-xorta. “Persuna li tikkunsidra li ttemm ħajjitha, ma tkunx qed tara soluzzjoni ohra ħlief din. Dawn in-nies ikunu qed ifittxu soluzzjoni ghall-problemi taghhom, li normalment iħossu li ħadd ma jista’ jgħinhom, jew ħadd ma jista' jifhimhom. “ 

Żiedet ukoll li, “sfortunatament, din xi kultant tista' tkun deċizjoni li tittieħed b'mod mgħaġġel, u forsi anke impulsiv, fejn l-individwu jara s-suwicidju bħala l-unika soluzzjoni. Meta wieħed jikkunsidra li jtemm hajtu, fil-verita' l-persuna tkun trid twaqqaf l-uġieħ.” 

Madankollu, hi appellat li din mhix is-solluzzjoni. Saħqet li, “tista’ twaqqaf l-ugieh b'mezz tal-għajnuna professjonali biex wiehed jifhem li hemm mezzi differenti ta' kif tista' tissolva problema mingħajr ma tasal li tneħħi ħajtek.” 

“Filwaqt li hemm ħafna fatturi li jistgħu jwasslu persuna biex tagħmel suwiċidju, tajjeb li nwasslu l-messaġġ li teżisti l-għajnuna, u din mhijiex xi ħaġa li hija tal-mistħija jew li tagħmel persuna dgħajfa,” kompliet tisħaq. “Il-problemi ta' sahha mentali jistgħu jolqtu lil kulħadd, u l-istress tal-ħajja jista' wkoll iwassal biex persuna li għal kwalunkwe raguni ma tiflaħx tkompli ġġorr it-toqol tasal għal dawn il-ħsibijiet.” 

Fuq dan il-punt, għamlet referenza għas-‘Suicide Prevention, Outreach and Therapeutic Services’, servizz ta’ terapija, psikjatrija u għajnuna, kemm prattika u kemm emozzjonali, li joffru Victim Suppost Malta. “L-ikbar aspett tas-servizz huwa dak terapewtiku, li huwa spazju fejn il-persuna tkun tista' titkellem iżjed fid-dettall dwar il-kaġun ta' dawn il-ħsibijiet, minn fejn huma ġejjin, biex b'hekk ikunu jistgħu jibdew jimxu lejn soluzzjonijiet oħrajn li m’humiex fatali.”  

Ta’ min jinnota wkoll li din l-għajnuna hija offruta wkoll lill-familjari ta’ nies li qed jesperjenzaw dawn il-ħsibijiet, għalhiex dawn is-sitwazzjonijiet ma jaffetwawx biss lill-individwu, imma wkoll lin-nies ta’ madwaru, partikolarment dawk l-aktar qrib tiegħu. 

Apparti dan, joffru wkoll għajnuna lil persuni li tilfu lil persuni oħra li kienu qrib tagħhom, meta dawn għażlu li jtemmu ħajjithom. 

More in Socjali