Skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), kien hemm żieda konsiderevoli fin-numru ta’ residenti Maltin li siefru barra minn xtutna. Dan b’referenza għall-perjodu ta’ bejn April u Ġunju, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena 2022.
B’kollox, dawn huma stmati li jammontaw għal 189,443, li juru żieda ta’ 35.4%. Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn kienu bl-ajru, li jammontaw għal 180,394. Minn dawn, l-akbar żieda kienet fil-low cost airlines, fejn id-domanda għoliet b’38.7%.
89,565 ta’ dawn ir-residenti Maltin kellhom bejn 25 u 44 sena, li huwa l-aktar grupp demografiku numeruż, kif ukoll l-akbar żieda fin-numru, li tammonta għal 19,312. Però, l-akbar żidiet perċentwali kienu f’dawk ta’ bejn 45 u 64, kif ukoll dawk ta’ 65 sena jew aktar, b’żidiet ta’ 49.7% u 59.5% rispettivament.
100, 591 minn dawn ir-residenti Malti kienu rġiel, li juri żieda ta’ 32.9%, filwaqt li 88,852 minn dawn kienu nisa, żieda ta’ 38.3%.
It-total tal-iljieli mqattgħin f’pajjiżi barranin ukoll żdied, b’31.2%, sabiex b’hekk l-ammont ta’ ljieli totali qabeż il 1.2 miljun lejl. Kawża t’hekk, il-medja tat-tul tas-safar kienet ta’ 6.6 iljieli, nuqqas minimu ta’ 0.2 fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. 50.5% ta’ dawn l-iljieli kienu mqattgħin f’akkomodazzjonijiet mingħajr kerha, bħal pereżempju meta wieħed jorqod għand familjari jew ħbieb.
Għalkemm dan huwa fattur li faċilment wieħed jaħseb li kapaċi ikkontribbwixxa għaż-żieda fis-safar, peress li jagħmilhom aktar affordibbli u aċċessibbli, ma jidhirx li huwa l-każ. Dan għalhiex xorta intefqu medja ta’ €3 aktar kull lejl fuq akkomodazzjoni.
Madankollu, xorta kien hemm ukoll żieda fl-ammont medju ta’ kemm il-Maltin qed jonfqu tul is-safar tagħhom. Huwa stmat li l-ammont totali huwa ta’ €165.6 miljun, żieda ta’ 45.6% fuq l-istess perjodu tas-sena preċendenti. B’hekk, il-medja ta’ kemm turist wieħed jonfoq fuq safra waħda huwa stmat li huwa €874.
Iż-żieda ta’ safar lejn pajjiżi Ewropej tammonta għal 37.7%, filwaqt li dik lejn pajjiżi barra mill-Ewropa tammonta għal 27.9%. 113,848 minn dawn kien għal btala, filwaqt li 46,973 kienu sabiex iżuru familjari li jgħixu barra mill-pajjiż.
L-aktar destinazzjoni popolari mar-residenti Maltin baqgħet l-Italja, b’75,539 turist, segwita mill-Ingilterra b’19,255, Spanja b’12,755, Franza b’9,971 u l-Ġermanja b’8,094. L-akbar żidiet perċentwali fid-destinazzjonijiet kienu fil-Ġermanja b’77.5% u Franza b’55.4%.
Raġuni għalfejn l-Italja tibqa’ l-aktar pajjiż popolari mal-Maltin jista’ jkun li hi l-fatt li huwa post affordibbli ħafna. Residenti Maltin jonfqu medja ta’ €619 tul vaganza fil-pajjiż, ferm anqas mill-medja tal-pajjiżi Ewropej l-oħra, dik ta’ €753. Fattur ta’ dan huwa ovvjament il-prossimità bejn iż-żewġ pajjiżi, li tippermetti sabiex il-biljetti tal-ajru ikunu irħas, kif ukoll li t-tul tal-vjaġġ ikun wieħed qasir.