Id-DB Group akkuża lill-NGOs li qed jaħdmu għall-benefiċċju tal-kompetituri tagħhom meta dawn qed jitolbu li jerġa jinstema l-każ tal-oġġezzjoni kontra l-proġett fil-Bajja ta’ San Ġorġ, waqt li jibqgħu siekta dwar proġetti oħra fil-madwar.
Dan wara li ħarġet l-aħbar li numru ta’ NGOs, flimkien mal-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke u s-Swieqi, qed ifittxu li l-każ jerġa jinstema’ wara li l-Prim Imħallef Mark Chetcuti approva l-iżvilupp ta’ dik li qabel kienet l-ITS f’lukanda u kumpless residenzjali, wara snin twal ta’ litigazzjoni.
Huma qalu li, “ċertu nies m’humiex jaċċettaw il-verdett, u issa qed jimxu kontrih billi jerġgħu jiftħu l-każ meta m’għandhomx bażi. Aħna m’għandnix dubju li l-Qorti se terġa taqta’ s-sentenza bl-istess mod.”
Huma żiedu li dawk li daħlu r-rikors kienu qed ifittxu li jagħmlu ħssara kummerċjali lill-proġett, “minkejja li jafu li dan se jkompli miexi għax hekk tgħid il-liġi.”
“L-oppożizzjoni għall-proġett kienet fil-maġġor parti tagħha minn kompetituri li jibżgħu mill-abbiltà tal-Grupp li jikseb success b’kull investiment li jagħmel. Fejn jidħol tibdil, aħna aċċettajna kull suġġeriment raġonevoli. Smajnihom u aġixxejna.”
Is-Sibt 2 ta’ Settembru d-DB Group saħaq li, “hija ovvja li dan huwa pjan nefast minn min qed joġġezzjona sabiex iwaqqaf il-proġett akkost ta’ kollox.”
Żiedu wkoll li dawn baqgħu fil-muta meta proġetti fil-madwar inbnew fuq art mixtrija jew mikrija għal irħas. “Ir-raġuni hija sempliċi, għax dik kienet fl-interess tal-kompetituri tagħna.”
DB Group temm billi stqarr li qed jikkunsidra azzjonijiet sabiex jirkupra d-danni.
Moviment Graffitti twieġbu
L-għaqda non-governattiva rrispondiet li, "NGOs ilhom għall-aħħar sitt snin jaħdmu viċin ir-residenti sabiex iwaqqfu l-mostrożità tad-DB fuq art pubblika; art li nxtrat għal karawett u li minnha se jagħmlu miljuni kbar."
Hi saħqet li bl-aħħar rikors, l-NGOs qed jutilizzaw il-mezzi provduti lilhom bil-liġi sabiex jibqgħu kommessi lejn l-interessi tar-residenti.
"Hemm ħafna x'jintilef hawnhekk," żiedet l-għaqda. "Id-DB Group irid jibni żewġ torrijiet ta' 19 u 18-il sular, u lukanda ta' 13-il sular, f'żona residenzjali, b'impatt diżażtruż fuq siti storiċi."
"Il-fatt li rajna komunitajiet jorganizzaw irwieħhom kontra din l-oxxenità mlietna kuraġġ, kif ukoll lil bosta nies minn madwar Malta u Għawdex. Dawn l-allegazzjonijiet u attakki malizzjużi minn żviluppaturi li qed ikissrulna pajjiżna billi jitħanżru, għad-detriment taċ-ċittadin komuni, m'humiex se jintimidawna milli neżerċitaw id-drittijiet legali tagħna."