Il-kunċett ta’ Neighbourhood Watch li ġie mniedi f’Awwissu fil-Marsa bħala proġett pilota għandu l-għan li r-residenti jkunu aktar attivi fiż-żamma tas-sigurtà madwar il-lokalità, u l-ħsieb huwa li kull lokalità ikollha dan il-kunċett.
Stqarr dan il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Byron Camilleri f’kummenti ma’ din il-gazzetta, hekk kif innota li din l-inizjattiva se żżid ukoll il-koperazzjoni bejn residenti u l-Pulizija, sabiex ikun hemm anke kuntatt dirett biex il-Pulizija tkun tista’ tirċievi informazzjoni essenzjali dirett mill-komunità.
Programmi ta’ Neighbourhood Watch ilhom isiru għal numru ta’ deċċenji madwar id-dinja, u studji internazzjonali jindikaw li dawn huma effettivi ferm anke fil-prevenzjoni ta’ numru ta’ reati. Fosthom, f’postijiet fejn dawn il-programmi qed jitħaddmu, reati bħal serq mid-djar ġew innutati jonqsu b’madwar terz. B’mod ġenerali, dawn il-programmi huma maħsuba li jipprevjenu r-reati b’rata ta’ 16%, hekk kif ir-residenti jsiru riżorsa effettiva għas-sigurtà tal-lokalità.
Apparti dan, programmi simili minn madwar id-dinja għandhom ukoll l-għan li jħaddnu sens ra’ risponsabbilità ċivika fost ir-residenti permezz tal-irwol dirett tagħhom fis-sigurtà tal-komunità tagħhom. Mal-ILLUM, Camilleri stqarr li l-istess kunċett huwa eżistenti f’Marsaxlokk, il-Mellieħa u s-Swieqi.
Apparti dan, il-Marsa hija magħrufa għar-realtajiet uniċi tagħha, fejn fosthom, din il-gazzetta kienet irrappurtat li viċin il-pont tal-bypass tal-Marsa kien infestat b’xiri u użu ta’ droga fl-apert, kif ukoll vandaliżmu regolari. Għalhekk, apparti dan il-programm, Camilleri stqarr li, “il-Pulizija tal-Komunità fil-Marsa, diġà qed jagħmlu xogħol siewi ieħor madwar il-lokalità u li diġà qed jagħti l-frott.”
Huwa stqarr li f’din il-lokalità, il-Pulizija tal-Komunità, “wettqu 4021 siegħa f’rondi bil-mixi u r-rota, dan apparti r-rondi li jsiru mill-RIU u d-distrett , għamlu mal-1506 tfittxija fuq persuni u 16 fuq vetturi li jistgħu jkunu ta’ suspett fejn arrestaw 154 persuna.” Apparti dan, intqal ukoll kif ngħataw aktar minn 2,254 twissija u kif ukoll 723 ċitazzjoni.
Camilleri qal ukoll li fil-Marsa għaddejjin spezzjonijiet u ħidmiet oħra b’rabta mal-immigrazzjoni irregolari, fejn skontu, “dawk li ma għandhomx dritt jgħixu f’pajjiżna qed jitneħħew mill-pajjiż.”
Fl-aħħar mill-aħħar, Camilleri stqarr li l-Pulizija tal-Komunità għaddejjin b’numru ta’ kollaborazzjonijiet ma’ entitajiet oħra governattivi, u anke oħrajn li m’humiex b’rabta ma’ individwi u anke żoni li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari. Fosthom, il-Pulizija tidentifika żoni li jkollhom bżonn aktar xogħol b’rabta mal-indafa pubblika, u għalhekk isir djalogu bejn il-Pulizija u d-Dipartiment tal-Cleansing sabiex tingħata attenzjoni iżjed lil dawn iż-żoni.