L-aħħar 12-il xahar raw xita ftit aktar mill-medja

Frar ipatti għal seba’ xhur aktar nexfin mis-soltu

Is-sena tax-xita li għaddiet (Settembru 2022 s’Awwissu 2023) produċiet 544.8mm ta’ xita, ftit aktar mill-medja annwali ta’ 543.4mm. Dan minkejja li seba’ xhur kienu aktar nexfin mis-soltu.

Frar tal-2023 ġab miegħu 181.6mm ta’ xita, liema figura tagħmlu l-aktar xahar imxarrab tul l-aħħar sena tax-xita kif ukoll wieħed mill-aktar xhur ta’ xita fl-istorja. Bejn it-8 u l-11 ta’ Frar kien l-aktar perjodu li kkontribwixxa għal dan, hekk kif il-maltempata Helios ħakmet il-ġżejjer Maltin.

Tul il-xitwa, Frar ikkontribwixxa għal 70% tal-258mm li niżlet fuq il-gżejjer Maltin, li pattiet għal Diċembru li kien niexef kemmxejn aktar mis-soltu (6.4mm), kif ukoll Jannar li kien ftit taħt il-medja (70mm).

B’229.6mm ta’ xita mkejjla, l-Uffiċċju Meteoroloġiku ħabbar li l-ħarifa tas-sena 2022 kien it-tieni l-aktar staġun imxarrab tas-sena.

Novembru tal-2022, li żied 151.2mm ta’ xita mat-totali ta’ 78.4mm imkejjla bejn Settembru u Ottubru, kien l-aktar xahar li ta kontribut għal din l-istatistika. Dan hekk kif Novembru esperjenza nżul ta’ xita li kien madwar id-doppja minn dak li kien mistenni skont il-medji tas-snin ta’ qabel.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku nnota wkoll id-differenza enormi li kien hemm bejn Frar u Marzu, hekk kif f’Marzu niżlet biss 3mm ta’ xita, meta l-medja hija ta’ 39.7mm.

Dan kien segwit minn xahrejn li kienu aktar imxarrbin mis-soltu, hekk kif sistemi ta’ pressjoni baxxa li damu sa’ Mejju kkaġunaw numra ta’ stanzi ta’ temp imprevenibbli.

Madankollu, dan ma kienx biżżejjed biex ipatti għal Marzu. Tul ir-rebbiegħa, ġiet ikkalkulata 50mm ta’ xita, li huwa anqas mill-medja.

Il-bidu tas-sajf ukoll kien imħarbat b’instabbilità, hekk kif maltempata bir-ragħad laqtet il-gżejjer Maltin għal ħamest ijem, li wasslu għall-waqgħa ta’ 1.6mm ta’ xita. Minkejja 3.4mm ta’ xita, Ġunju xorta waħda kien wieħed mis-seba’ xhur li pproduċew inqas xita mis-soltu. Bl-ebda ammont ta’ xita ma tinsel f’Lulju, it-tliet xhur tas-sajf kollha kienu nexfin aktar mis-soltu.

More in Socjali