Park Nazzjonali ġdid f’Marsaskala

Dan se jsir fis-sit fejn qabel kien isir it-trattament tal-iskart

Il-WasteServ issottomettiet pjanijiet sabiex il-madwar 24, 000 metru kwadru ta’ art fejn attwalment insibu l-impjant tat-trattament tal-iskart ta’ Sant’ Antnin tinbidel f’spazzju aħdar ta’ rikreazzjoni, f’proġett se jagħti din l-art lura lill-komunità.

Id-disinn propost jinkludi numru ta’ siġar maturi, korpi tal-ilma u diversi faċilitajiet, fosthom dawk edukattivi. Huwa pjanat ukoll li jsir parkeġġ taħt l-art, li jinkludi e-park and ride sabiex wieħed ikun imħeġġeġ jagħmel użu minn trasport alternattiv aktar sostennibbli. Il-WasteServ stqarret li dan se jkun “proġett ta’ standard internazzjonali.”

“Din il-proposta għall-proġett f’Marsaskala għandha l-għan li toħloq ambjent vast għall-fawna lokali, kemm dik tal-art u anke tal-ilma ħelu, u hija maħsuba wkoll biex isservi bħala sit ta’ riabilitazzjoni għal speċi differenti. Din il-proposta tinkorpora ukoll l-aspett edukattiv biex tkompli tistimula t-tranżizzjoni meħtieġa lejn ambjent aħjar, ibbażat fuq prinċipji ta’ sostenibbiltà u ekonomija ċirkolari,” kompliet tgħid.

Dan id-disinn se jkun miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika, qabel tittieħed deċiżjoni finali mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-maġġorparti ta’ dan l-impjant ingħalqet lura f’Diċembru li għadda.

More in Socjali