Protesta sabiex jitwaqfu l-karozzini
Animal Liberation Malta qed jipproponu li jintużaw alternattivi li jaħdmu bl-elettriku
More in Socjali
Animal Liberation Malta qed jipproponu li jintużaw alternattivi li jaħdmu bl-elettriku
Is-Sibt 16 t’Awwissu, attivisti ta’ Animal Liberation Malta blokkaw il-pont tal-Imdina, f’protesta bil-għan li twassal għall-projbizzjoni tal-karozzini. Min kien preżenti seta’ jisma’ lill-attivisti jgħajjtu kif “din il-prattika hija moħqrija u mhux tradizzjoni; mhix divertiment iżda skjavitur,” metri biss bogħod mill-venda tal-karozzini.
F’stqarrija li ħarġet l-għaqda it-Tnejn 18 ta’ Settembru, hi spjegat kif tara l-karozzini bħala sfruttar tal-annimali. “Meta wieħed iqis li ngħixu f’dinja moderna, m’hemmx bżonnhom. Illum iservu biss bħala attrazzjoni għat-turisti.”
Spjegat ukoll kif madwar id-dinja, hemm moviment globali lejn il-projbizzjoni tagħhom. Numru ta’ bliet, fosthom Montreal, Praga, Melbourne u Chicago, mexjin lejn dik id-direzzjoni.
Ma’ dawn jingħaqdu wkoll bliet Mediterranji li ukoll huma dipendenti mit-turiżmu, bħal Barċellona u Palma de Mallorca. F’din tal-aħħar, il-Kunsill Lokali ħabbar projbizzjoni fuq mezzi ta’ trasport miġbudin miż-żwiemel, li se tibda fl-2024, bl-intenzjoni għal tibdil lejn alternattivi li joperaw bl-elettriku, soluzzjoni li l-għaqda temmen li hija ideali għal Malta.
L-għaqda ħabbret ukoll numru ta’ protesti “għal soluzzjonijiet li huma sostennibbli u fl-istess ħin jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-annimali.” L-ewwel minn dawn kienet li Transport Malta toħroġ skema sabiex il-kuċċiera jkunu inċentivati sabiex jeqilbu lejn alternattivi elettriċi. It-tieni kienet li tidħol klawżola li tgħid li żwiemel li diġa qiegħdin jintużaw għal dan ix-xogħol jibqgħu jaħdmu, iżda meta jirtiraw ma jkunux jistgħu jinbidlu minn żiemel ġdid.