Azzjoni simbolika fil-Belt bħala protesta kontra l-kaċċa

Attivisiti nġabru fuq it-taraġ ta’ Kastilja b’posters jgħidu li “Dan id-demm fuq idejk, Robert Abela!” dwar in-nuqqas ta’ infurzar fuq il-kaċċa u qtil ta’ tajr protett

Il-BirdLife organizzat azzjoni simbolika quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Misraħ Kastilja fil-Belt Valletta. Numru ta’ nies żammew f’idejhom posters u tabelli bil-kliem “Dan id-demm fuq idejk, Robert Abela!”

L-attivisti nġabru fuq it-taraġ ta’ Kastilja lebsin flokk aħmar bħala protesta kontra l-qtil ta’ għasafar protetti matul l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa. L-istaġun jiftaħ f’Settembru u jagħlaq f’Jannar. 

L-attivisti ppuntaw subgħajhom lejn l-awtoritajiet għan-nuqqas ta’ infurzar. Il-BirdLife ilha tipprotesta kontra in-nuqqas ta’ infurzar min-naħa tal-awtoritajiet bl-għan li jiżguraw regolamenti aħjar. 

Fl-istqarrija, il-BirdLife saħqet li “matul l-aħħar snin il-liġijiet tal-ħarsien tal-għasafar bdew jiġu mdgħajfa b’mod sistematiku sabiex il-kaċċaturi jeħilsuha ħafif.” Liġijiet oħra, bħal dawk tal-ibbalzmar tal-għasafar, ġew emendati b’tali mod huwa impossibli jiġu infurzati, filwaqt li liġijiet oħra bħal dik tal-kaċċa tal-fenek selvaġġ, ġew emendati emendati biex jinħolqu lakuni ċari li jippermettu lill-kaċċaturi jikkaċċjaw għall-għasafar waqt l-istaġuni magħluqa. 

Skont il-BirdLife, din is-sitwazzjoni saret agħar minn mindu Abela ċeda għat-talba li jitneħħa l-curfew fuq il-kaċċa tal-għasafar. Minħabba dan, tajr protett jispiċċa fil-mira tal-kaċċatur. L-attitudni li adotta Abela biex ikompli jikkuntenta lill-kaċċaturi qed tħeġġeġ sentiment “li ħadd ma jista’ għalihom” u sens ta’ impunitá għax qed ikomplu jagħmlu li jridu. 

More in Socjali