Abela f’laqgħa ma’ ħaddiema fuq ix-xogħol u il-GWU

Abela saħaq li se jimpenja ruħu u jkompli jaħdem favur il-ħaddiem bl-għan li tisaħħaħ l-ekonomija u titaffa l-inflazzjoni

Abela f'laqgħa ma' ħaddiema u r-rappreżentanti tal-GWU
Abela f'laqgħa ma' ħaddiema u r-rappreżentanti tal-GWU

Il-Prim Ministru żar il-fabbrika tal-General Soft Drinks, fejn iltaqa’ mal-ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol u ddiskuta magħhom diversi temi, ideat u proposti. Din id-diskussjoni ssoktat b’laqgħa mat-tmexxija tal-General Workers Union (GWU), rapreżentanti tal-istess ħaddiema. 

Il-ħaddiema lissnu l-ħsibijiet tagħhom lill-Prim Ministru, fosthom li taħriġ kontinwu jgħinhom ikomplu jistinkaw fil-karriera minflok iħarsu lejha bħala sempliċi impjieg. Is-suġġett tal-ħiliet kien diskuss fil-Budget 2024, proposti mressqa mill-GWU dwar miżuri favur it-titjib ta’ kwalitá tal-prodott turistiku Malti u Għawdxi marbut mal-ħiliet tal-ħaddiema fis-settur tal-ospitalitá. 

Rigward din il-proposta, il-Kabinet tal-Ministri ddeċieda biex ħaddiema meħtieġa fis-settur tat-turiżmu f’Malta għandhom jgaħddu minn kors speċifiku qabel jingħatalhom permess biex jaħdmu. 

Għal-laqgħa mal-GWU kien hemm preżenti wkoll fost oħrajn id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul. Abela qal li l-Gvern jibqa’ jimpenja ruħu biex jappoġġja lill-ħaddiem u lill-familji tagħhom b’għaqal u b’tisħiħ ta’ ekonomija. Il-Gvern sostna li jibqa’ jagħti l-għajnuna biex titrażżan kemm jista’ ikun l-inflazzjoni.

Isemmiet l-għajnuna li se tibqa’ tingħata l-għajnuna favur l-istabblitá fil-prezzijiet tal-enerġija li tagħti serħan il-moħħ lill-ħaddiem u lin-negozji. Dan f’kuntest ta’ suq tax-xogħol b’saħħtu f’pajjiżna fejn ir-rata ta’ impjiegi hi kważi ħames darbiet iżjed mill-medja u l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro. “Qed niltaqgħu f’ambitu ta’ tbassir mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) tal-ikbar tkabbir ekonomiku fl-Ewropa u tal-aħħar credit rating ta’ DBRS Morningstar li għal darb’oħra tat l-ogħla klassifikazzjoni lill-ekonomija Maltija,” saħaq Abela hu u jinnota li pajjiżna jrid jibqa’ jkollu ekonomija b’saħħitha biex ikompli bit-tranżizzjoni ta’ qalbiet importanti, jiġifieri ambjentali u diġitali flimkien mas-sostenn ta’ miżuri ta’ ġid komuni.

 

More in Socjali