Bħalissa l-Gvern qed jiffinalizza pjan sabiex jiżgura li ċerti servizzi li jeħtieġu aċċess fit-toroq ma jibdewx qabel id-9:00am biex itaffi t-traffiku, madankollu, għadu mhux ċar liema servizzi se jintlaqtu.
Waqt id-diskors tiegħu dwar il-baġit, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ħabbar dan bħala riżultat ta’ proċess ta’ konsultazzjoni ma’ numru ta’ stakeholders biex jitnaqqas it-traffiku waqt rush hour.
Caruana stqarr ukoll li l-Gvern qed jirrevedi wkoll il-Masterplan tat-Trasport li jinkludi numru ta’ investimenti u miżuri li se jġibu l-viżjoni tal-Gvern għas-settur tat-trasport sal-2030.
Il-Ministru tal-Finanzi semma wkoll l-investiment ta’ €35 miljun tal-gvern fil-ħolqien ta’ network taċ-ċikliżmu, infrastruttura pedonali, u proġetti ġenerali ta’ tisbiħ fi spazji urbani fi żmien ħames snin.
Il-Ministru Caruana rrikonoxxa l-fatt li l-konġestjoni tat-traffiku u l-użu ta’ karozzi privati huma ż-żewġ sfidi ewlenin li Malta tiffaċċja fir-rigward tat-trasport. Għalhekk, Caruana ħabbar li fl-2024, il-Gvern se jagħmel studju u possibbilment jimplimenta mudell ġdid ta’ żona ta’ parkeġġ li jiddependi fuq sħubijiet pubbliċi-privati. Dawn is-sħubijiet, qal Caruana, se jinkludu wkoll numru ta’ servizzi lill-komunità f’hub ċentrali wieħed.
Bl-istess mod, il-Ministru tal-Finanzi qal li l-Gvern se jesplora l-possibbiltà ta’ park-and-ride zones speċifikament għall-istudenti universitarji permezz ta’ sħubija mal-Kunsill Studenti Universitarji. Caruana qal ukoll li l-Gvern se jkun qed iniedi studju u konsultazzjoni pubblika biex jara kif il-Belt Valletta tista’ ssir aktar aċċessibbli.
Għall-ewwel darba, il-Gvern se jinċentiva x-xiri ta’ e-kick scooters. Dan hekk kif il-gvern kien ħabbar projbizzjoni fuq il-kiri ta’ e-kick scooters li tibda minn Marzu 2024.
Dwar l-inċentivazzjoni ta’ vetturi aktar sostenibbli, Caruana qalet li l-gvern se jestendi l-iskemi attwali li jinċentivaw ix-xiri ta’ vetturi elettriċi u plug-in hybrid ġodda. Hawnhekk, il-Ministru tal-Finanzi ħabbar li s’issa nbiegħu ‘l fuq minn 13,000 vettura elettrika u plug-in hybrid.
Caruana kompla jispjega li vetturi elettriċi u plug-in hybrid li jistgħu jsuqu 50km jew aktar wara li jiġu ċċarġjati darba, se jibqgħu eżenti mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni, kif ukoll mit-tiġdid tal-liċenzja għall-ewwel ħames snin mir-reġistrazzjoni.
Caruana qal li se jiġu estiżi wkoll skemi ta’ ħlas għall-iskrappage, inċentivi fuq roti elettriċi, u inċentivi għas-sewwieqa biex jaqilbu minn vetturi li jaħdmu bil-petrol għal dawk li jaħdmu bil-gass. Il-Gvern se jkompli jinċentiva wkoll vetturi (bħal taxis) li jkunu aċċessibbli għas-siġġu tar-roti.
Dwar it-trasport pubbliku b’xejn, Caruana qal li l-Gvern se janalizza l-impatt tat-trasport pubbliku b’xejn sabiex jissaħħaħ is-servizz. Bħalissa l-Gvern qed jistudja wkoll in-network tat-trasport pubbliku biex jara jekk jistgħux jinħolqu karreġġjati ta’ prijorità f’ċerti żoni, li jnaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar.