Il-Kummissjoni tal-Films f’Malta hija waħda mill-entitatjiet li waslet lill-Ministeru tat-Turiżmu biex jaqbeż il-baġit tiegħu għal din is-sena bi €17-il miljun.
L-istimi tal-baġit għall-2023 juru li l-ministeru se jaqbeż il-baġit tal-infiq kapitali tiegħu bi €13-il miljun, u qabeż il-baġit tal-infiq rikorrenti tiegħu b'€4 miljun.
Il-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana, alloka €13-il miljun bħala żieda ta’ infiq għall-Kummissjoni kif ukoll għall-ITS. Dan l-ammont jikkontribwixxi għall-qbiż ta’ €4 miljun fl-infiq rikorrenti.
Mill-inqas sitt produtturi lokali affaċċjaw dewmien biex jirċievu ħlasijiet għall-fondi li rebħu f’Awwissu bħala parti mill-iskema tal-kummissjoni biex tgħin produzzjonijiet lokali. Filfatt, nies minn din l-industrija ilmentaw li minħabba d-dewmien fid-dħul tal-pagamenti, il-ħaddiema damu ma tħallsu.
Minkejja, li l-ħlasijiet bdew jinħarġu, xorta waħda kien hemm iddubita jekk il-Kummissjoni tal-Films kienet f’pożizzjoni finanzjarja tajba.
Il-Kummissjoni, immexxija mill-eks kap tal-marketing tal-gvern Johann Grech, kienet taħt attakki għaliex kien hemm nuqqas ta’ trasparenza dwar kif qed jintfqu l-flus.
Times of Malta żvelat f’Awwissu kif il-kummissjoni ppermettiet €143 miljun fi flus ta’ min iħallas it-taxxa lil 54 film u serje televiżiva fl-aħħar ħames snin.
Il-flus huma parti minn skema ta’ roħs fi flus lil production houses li jiddeċiedu li jiġbdu films jew sensiliet televiżivi f’Malta. Il-gvern jagħtihom sa 40% cash back fuq kważi n-nefqa kollha tagħhom waqt li jaħdmu Malta.
‘Gladiator 2’ waħdu mistenni jieħu kważi €47 miljun wara li jispiċċa l-iffilmjar f’Malta.
Ix-xahar li għadda, il-Kummissjoni u l-Ministeru tat-Turiżmu qalu li studju li kkummissjonaw f’sistema ta’ cash rebate jikkonferma li din tgħin lill-ekonomija ta’ Malta, iżda rrifjutaw li jippubblikaw id-dokument.
Il-Kummissjoni qalet li l-ekonomisti sabu li s-sena l-oħra, l-ekonomija Maltija kisbet €3 għal kull €1 minfuq fi flus kontanti għal produzzjonijiet ta’ films.
Iżda t-tnejn, skont parir legali, qalu li mhux se jagħmlu l-istudju pubbliku jew jagħtu kopja lill-ġurnalisti.