L-iskandlu tal-Isptarijiet: Kif beda u x’imiss issa?
Din il-linja kronoloġika turi mill-bidu nett il-proġett fuq it-tlett sptarijiet; l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex; Jerome Caruana Cilia qal li l-Partit Nazzjonalista jistenna azzjoni biex il-Gvern jikseb lura dak li jista' mill-€400 miljun li tefa’ f'din il-konċessjoni frawdolenti
minn Elaine Camilleri
Hekk kif il-Gvern jinsab maqbud f’tilwima f’dan l-iskandlu, il-proċedimenti lokali issa wasslu uffiċjalment fit-tmiem tagħhom. Dan jimmarka tmiem ta’ dak li suppost kellu jkun proġett ta’ tisħiħ ta’ sptarijiet li dam għaddej kważi għaxar snin mimli wegħdiet li qatt ma twettqu fir-realtà. Din il-linja kronoloġika turi mill-bidu nett il-proġett fuq it-tlett sptarijiet; l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex:
2014
April
Bidla fil-kabinett (cabinet reshuffle): Konrad Mizzi ngħata responsabbiltajiet fis-settur tas-saħħa u fis-sħubiji pubbliċi-privati.
9 ta’ Ottubru
Jitwaqqfu Pivot Holding f’Malta li kienu tal-investituri Vitals Global Healthcare (VGH).
10 ta’ Ottubru
Jiġi ffirmat Memorandum ta’ Ftehim (MoU) bejn il-Gvern mill-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona u grupp ta’ operaturi minn Vitals Global Healthcare (Mark Edward Pawley – Direttur ta’ Bluestone Special Situation 4 Ltd., Ashtok Rattehali – Direttur ta’ AGMC Inc., Mohammed Shoaib Walajhi – Direttur ta’ Pivot Holding Ltd., Chaudry Saukat Ali – Direttur ta’ Pivot Holdings Ltd.).
Il-Memorandum iddeskriva l-interess tal-operaturi fit-twaqqif ta’ Kumpless Mediku ta’ Għawdex.
23 ta’ Novembru
Investituri jintroduċu lil Ambrish Gupta. Gupta huwa investitur li għandu 35% tal-azzjonisti, u jgħid li jridu jiżdiedu l-fondi.
9 ta’ Diċembru
Titwaqqaf lokalment Bluestone Investment Malta.
2015
Frar
Il-VGH tiftaħar bil-MoU quddiem il-Gvern – xahrejn qabel ma ġiet ippubblikata t-talba għall-proposti.
Marzu
Gupta jirnexxilu jilħaq ftehim fuq kif se jiġu ffinanzjati l-proġetti tal-VGH. Il-ftehim jinkludi lis-sidien ta’ Bluestone, Mark Pawley u Ram Tumuluri, il-Portpool Investments (PIL) u Bluestone Special Situation 4Ltd.
-
Fil-bidu tas-sena 2015, Chaudry Saukat Ali introduċa tabib Amerikan lit-Tabib Josie Muscat, sid l-Isptar St. James. Darba minnhom, Muscat attenda laqa’ ma’ Shaukat Ali, Iqbal u xi investituri. Fl-4 ta’ Marzu, tħabbret l-aħbar li Josie Muscat se jbigħ l-Isptar Capua u l-isem ta’ St. James lin-negozjant Amerikan u dak Palestinjan.
18 ta’ Marzu
Il-Gvern jiffirma ftehim ta’ ftuħ ta’ kampus f’Għawdex ma’ Barts Medical School.
27 ta’ Marzu
Il-Gvern jippubblika talba għall-proposti għall-konċessjoni ta’ tliet sptarijiet pubbliċi, jiġifieri l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Il-konċessjoni hija mmexxija mill-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa, immexxi minn Konrad Mizzi.
Fl-istess ġurnata, Ram Tumuluri nħatar bħala Direttur ta’ Bluestone Investment Malta Ltd.
13 ta’ Mejju
Il-VGH irreġistrat f’Malta bl-ishma kollha li kellha Bluestone Investments Malta Ltd.
18 ta’ Mejju
Jirreġistraw f’Malta VGH Management Ltd u VGH Assets Ltd.
Mark Pawley u Ram Tumuluri huma d-diretturi ta’ dawn il-kumpaniji.
19 ta’ Mejju
Data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-offerti. Il-kumpaniji li ġejjin issottomettew offerti:
-
Vitals Global Healthcare
-
Image Hospitals Ltd
-
BSP Investments Ltd
Ġunju
Il-Kabinett japprova l-momerandum sottomess minn Konrad Mizzi bit-talba tiegħu lill-ministri sabiex japprovaw l-għoti tal-istatus ta’ offerent preferut lill-VGH u jingħata bidu għan-negozji.
2 ta’ Settembru
Josie Muscat iħabbar li l-ftehim tal-bejgħ tal-Isptar Capua tħassar.
9 ta’ Settembru
Vitals Global Healthcare jirbħu l-konċessjoni u jibdew id-diskussjonjiet fuq il-kuntratt. Vitals Global Healthcare ma kellhom l-ebda esperjenza fil-qasam mediku jew kif jitmexxa sptar.
13 ta’ Ottubru
Konrad Mizzi jaġġorna lill-Kabinett fuq l-isħubiji pubbliċi-privati u saħaq li kien intlaħaq ftehim fuq li ġej:
-
Ftehim tal-Konċessjoni – Concession Agreement (CA)
-
Servizzi tas-Saħħa/Healthcare Services Agreement (HSA)
-
Labour Supply Agreement (LSA)
-
Emphtyteutical deed (ED)
30 ta’ Novembru
Vitals Global Healthcare, flimkien mal-kumpaniji sussidjarji tagħhom jiffirmaw ftehim ta’ konċessjoni tas-servizz mal-Gvern.
7 ta’ Diċembru
Il-Gvern u l-Management tal-VGH jiffirmaw l-ewwel u t-tieni addenda tas-servizzi tas-saħħa (HSA).
Saru diversi tibdiliet fis-servizzi, l-attivitajiet u l-operazzjonijiet li għandhom isiru mill-VGH, u l-Gvern qabel li jieħu 100 sodda addizzjonali.
2016
8 ta’ Jannar
Il-Gvern u l-VGH Management jidħlu fil-Labour Supply Agreement. Dan jippermetti lill-Gvern iforni impjegati lill-VGH Management sabiex il-kumpanija tkun tista’ tissodisfa t-termini tal-ftehim tat-tranżazzjoni.
29 ta’ Marzu
Il-pjan ta’ handover kellu jiġi sottomess lill-Gvern, iżda l-VGH naqset milli tagħmel dan sad-data speċifikata.
29 ta’ April
Konrad Mizzi jitlef l-inkarigu ta’ Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa u jieħu ġurament ta’ Ministru mingħajr inkarigu speċifikat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Chris Fearne ġie elett Ministru tas-Saħħa.
Mejju
Daphne Caruana Galizia tippubblika rapport ta’ due diligence u sostniet li Keith Schembri u l-ambaxxatur ta’ Malta f’Dubai wiegħdu lil Shapoorji Pallonji u lil Global Health Care bbażata fl-UAE, li se jingħataw il-proġett ta’ privatizzazzjoni tal-isptarijiet jekk jaħdmu ma’ Ram Tumuluri u Shaukat Ali Chaudry.
19 ta’ Mejju
Konrad Mizzi u Ram Tumuluri jiffirmaw ittra sekondarja għall-ftehimiet tat-tranżazzjoni. L-obbligu tal-VGH li tippreżenta ftehim ta’ finanzjament lill-Gvern ġie rrinunzjat għad-19 ta’ Frar 2017.
Ġunju
Il-VGH fl-aħħar tissottometti pjan ta’ handover biex iwettaq it-tragward tal-konċessjoni.
30 ta’ Awwissu
Kellhom jiġu sottomessi pjanijiet ta’ disinji lill-Gvern. VGH naqset milli tagħmel dan sad-data speċifikata u sakemm il-konċessjoni ġiet trasferita lil Steward Healthcare.
15 ta’ Settembru
Il-Gvern u l-VGH jidħlu fit-tieni ittra sekondarja għall-ftehimiet tat-tranżazzjonijiet. Hawnhekk, huma jirrikonoxxu li VGH kienet ikkalkulat il-valur preċiż tal-ħlasijiet għall-impjegati tal-Gvern skjerati lill-VGH u r-riżorsi umani sottokuntrattati.
13 ta’ Ottubru
2 kumpaniji anonimi huma reġistrati minn taħt f’Jersey, li wħud minnhom għandhom ismijiet simili bħal Vitals Global Healthcare Ltd u VGH Malta.
-
Ian Vassallo xtara Technoline mingħand Tumuluri u Shaukat Ali b’self ta’ €5.14 miljun permezz tal-kumpaniji offshore tagħhom f’Jersey.
11 ta’ Diċembru
Daphne Caruana Galizia tirrapporta li l-VGH tefgħet Chris Party fil-lukanda Westin Dragonara f’San Ġiljan. “L-ospiti kienu Ram Tumuluri u xi rġiel Indjani oħra minn barra.”
-
Il-Gvern ħallas €16-il miljun lill-VGH fl-2016.
2017
14 ta’ Frar
Il-Gvern u l-VGH jidħlu fl-ewwel ittra sekondarja għall-Ftehim ta’ Konċessjoni tas-Servizz. Permezz ta’ din l-ittra, il-Gvern irrinunzja mill-obbligu li jipprovdi ftehimiet ta’ finanzjament sad-19 ta’ Frar 2017 iżda estenda l-iskadenza sat-30 ta’ Ġunju tal-istess sena.
Ġunju
Ram Tumuluri u Mark Pawley jiffirmaw kuntratt datat b’lura fejn jgħid li t-tnejn se jitħallsu miljun ewro bejniethom fis-sena b’director’s fees minn Vitals.
23 ta’ Ġunju
Il-Gvern u l-VGH jidħlu fit-tieni ittra sekondarja għall-Ftehim ta’ Konċessjoni tas-Servizzi, bil-Gvern jestendi l-iskadenza għall-ftehimiet ta’ finanzjament sal-31 ta’ Diċembru 2017.
Konrad Mizzi jitla’ fil-kariga ta’ Ministru tat-Turiżmu wara l-Elezzjoni Ġenerali fl-2017. Chris Fearne jibqa’ l-Ministru tas-Saħħa.
30 ta’ Ġunju
Ġew iffirmati diversi emendi għall-Ftehim ta’ Konċessjoni tas-Servizz, HSDA, u LSA:
-
SCA: Irreveduta l-iskadenza għax-xogħlijiet minn data fissa għal waħda relattiva għall-kisba tal-permessi tal-kostruzzjoni.
-
HSA: Data tal-provvediment għal sodod addizzjonali estiża mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-1 ta’ Jannar 2020.
-
LSA: Formalizzazzjoni tal-lista tar-riżorsi li tikkorrispondi għal 1,536 impjegat.
1 ta’ Lulju
Il-kostruzzjoni ta’ Barts Medical School ma titlestiex fil-ħin kif miftiehem u sakemm il-konċessjoni ġiet trasferita lil Steward Healthcare.
Settembru
Vitals jibdew id-diskussjonijiet ma’ Steward biex jieħdu akkwist tal-isptarijiet.
30 ta’ Settembru
Id-data ta’ meta suppost kellhom jingħataw 80 sodda ta’ riabilitazzjoni lill-Isptar San Luqa ma ntlaħqitx.
-
Il-Gvern ħallas €33 miljun lill-VGH fl-2017.
2018
17 ta’ Jannar
Joseph Muscat jikkonferma li teżisti klawsola ta’ xiri lura ta’ €80 miljun fil-ftehim tal-Vitals.
16 ta’ Frar
Bluestone Investments tittrasferixxi 1,140 sehem lil Steward Healthcare u 60 sehem ieħor lil Ashak Rattchali ta’ nazzjonalità Amerikana. Armin Ernst u Michael Callum jieħdu post Tumuluri u Pawley bħala diretturi.
19 ta’ Frar
L-Eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fetaħ kawża fil-Qorti kontra Vitals tal-Gvern fejn talab li l-kuntratt jiġi kkanċellat u li t-tliet sptarijiet jingħataw lura lill-pubbliku.
-
Fl-ewwel xhur tal-2018 Steward ħallset €3.2 miljun lill-azzjonisti tal-VGH permezz tal-organizzazzjoni Żvizzera Accutor AG.
31 ta’ Mejju
Kellu jitkompla l-bini ġdid tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex iżda dan ma sarx.
30 ta’ Settembru
L-Isptar Ġenerali l-ġdid ta’ Għawdex suppost kellu jitlesta u jibda joffri servizzi tiegħu.
31 ta’ Diċembru
Suppost kellhom jingħataw 80 sodda lill-Isptar San Luqa imma dan baqa’ ma sarx.
2019
Awwissu
Jissawwar ftehim ġdid, hekk kif Konrad Mizzi jagħti lil Steward escape clause li ddawwar kull terminazzjoni tal-konċessjoni fuq il-Gvern.
Novembru
Minuti qabel jirriżenja minn Ministru, Konrad Mizzi jixhed fil-Qorti li l-Gvern qagħad fuq rakkomandazzjonijiet mill-bord ta’ evalwazzjoni qabel ma daħal fil-ftehim ta’ privatizzazzjoni.
2020
Jannar
Joseph Muscat jipperswadi lil Robert Abela sabiex jerġa’ jinnegozja l-ftehim ta’ Steward Hospital.
-
Madwar l-istess żmien, Joseph Muscat isiefer l-Iżvizzera u jżur lill-uffiċjali ta’ Accutor li kienu jiġbru flus għall-azzjonisti ta’ VGH. Huwa jabbozza kuntratt indefinit ma’ Spring X Media, li għandu x’jaqsam ma’ Accutor.
Marzu
Joseph Muscat jirċievi ammont ta’ €15,000 bħala pagament mingħand Accutor.
7 ta’ Ġunju
Konrad Mizzi jgħid li ma kienx hu li ffirma l-MoU mal-investituri tal-Vitals iżda l-Malta Enterprise. Mizzi appella lill-Gvern biex jippubblika l-MoU wara li ntilef.
Lulju
Robert Abela japprova r-rapport tal-NAO u jwiegħed li jieħu l-azzjoni meħtieġa. Ma jeskludix li jirrevoka l-kuntratt.
3 ta’ Lulju
Il-kap ta’ Nexia BT jammetti li ma saret l-ebda diliġenza dovuta fuq Vitals qabel ma ngħataw il-ftehim.
14 ta’ Lulju
MoU li kien mitluf, jinsab għand il-Malta Enterprise.
2021
18 ta’ Jannar
Joseph Muscat jiddefendi l-ftehim ta’ Vitals fil-Qorti. Jgħid li l-klawsola ta’ terminazzjoni ta’ €100 miljun iggarantiet self bankarju mingħajr ma jinkisru r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat.
Ġunju
Vitals fil-Qorti: Il-permessi ta’ kostruzzjoni fuq xogħol li kellu jsir minn Vitals Global Healthcare fuq tliet sptarijiet Maltin kienu skadew qabel ma bdew bix-xogħlijiet.
28 ta’ Lulju
Steward jiffriża l-masterplan ta’ San Luqa hekk kif il-PM jonqos milli jwettaq il-wegħda li jemenda l-ftehim imċappas.
Awwissu
Steward tippreżenta kopja mhux redattata tal-ftehimiet kollha relatati mal-proġett u l-ittri sekondarji fil-Qorti bil-miftuħ.
12 ta’ Settembru
Kumpanija legali ta’ VGH ġiet ordnata sabiex tgħaddi d-dokumenti lill-pulizija.
16 ta’ Novembru
l-Imħallef Franceco Depasquale aċċetta l-proposta ta’ Adrian Delia biex jinkludi dokumenti li ġew deskritti bħala frawdolenti minn Steward Healthcare fil-kawża.
2022
19 ta’ Jannar
Il-pulizija marru jfittxu f’dar l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u anke fl-uffiċċju tiegħu Sa Mansion.
7 ta’ Frar
Il-President ta’ Steward ammettiet li Vitals ingħataw ammonti kbar ta’ flejjes meħuda mit-taxxi, u qalet li l-konċessjoni ma kinitx maħsuba tajjeb.
Hija qalet li l-konċessjoni għamlet is-sitwazzjoni agħar minħabba l-fatt li investituri ħolqu katina ta’ kumpaniji li għaddew beni bejniethom waqt li nefqu l-flus mill-fondi.
2023
24 ta’ Frar
Il-qrati jirrevokaw il-konċessjoni u jirritornaw it-tliet sptarijiet lill-Gvern. Steward tressaq appell ftit ġimgħat wara fil-15 ta’ Marzu.
15 ta’ Mejju
Jiġi ppubblikat l-aħħar rapport minn tlieta tal-awditur ġenerali li jiżvela li total ta’ €456 miljun tħallsu lill-Vitals u Steward matul il-perjodu ta’ konċessjoni.
17 ta’ Mejju
Tiġi ppubblikata l-investigazzjoni Hospitals X-Rayed, investigazzjoni konġunta bejn Times of Malta, il-Proġett ta’ Rappurtaġġ tal-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni u The Shift. L-investigazzjoni żvelat il-fluss ta’ fondi minn Steward għal Accutor, l-infiq ta’ nies ewlenin ta’ Vitals u l-Eks Direttur tagħha, Rum Tumuluri.
19 ta’ Lulju
Il-Qorti tal-Appell tiċħad it-talba ta’ Steward Healthcare għal referenza preliminari tas-sentenza ta’ annullament biex titwieġeb mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
23 ta’ Ottubru
L-annullament tal-konċessjoni huwa kkonfermat mill-Qorti tal-Appell li nstabet kollużjoni bejn Steward u uffiċjali għolja tal-Gvern jew l-aġenziji tiegħu, b’differenza mis-sentenza oriġinali, li kienet tefgħet it-tort tal-ftehim frodulenti direttament fuq Steward.
2046
21 ta’ Marzu
Jiskadu t-30 sena ta’ Emphyteutical Deed. Il-Gvern ireġġa’ lura t-titlu ta’ GGH u KGRH, suġġett għall-ħlas ta’ 80,000,000.
Tkellimna ma’ Jerome Caruana Cilia, Membru Parlamentari mill-Partit Nazzjonalista dwar id-deċiżjoni li ħadet il-Qorti fejn qalet li l-ftehim huwa wieħed “null”. Caruana Cilia qal li kull min hu ta’ rieda tajba, jew bi ftit sens komun, ma ndunax li din kienet ħadma mal-mument li tkellmet il-Qorti. “Il-Partit Nazzjonalista sa mill-bidu nett, kien ċar li kien hemm bosta bozoz ħomor jixegħlu quddiem din l-istorja”. Huwa kompla jgħid li ma kienx hemm bżonn ta’ due diligence kkumplikata biex il-Gvern ikun jaf li Vitals ma kellhom x’jaqsmu xejn mas-settur tas-saħħa u li ma kellhom ebda esperjenza, u li n-nies wara din il-kumpanija kienu persuni mhux wisq rakkomandabbli. Dak iż-żmien, ġurnalisti investigattivi kienu żvelaw li filwaqt li l-Gvern prova juri li dan il-proċess kien wieħed trasparenti, fil-verità, kollox kien miftiehem qabel stqarr Caruana Cilia. Minkejja dan, u għaliex kien hemm interessi oħrajn, dan il-ftehim baqa’ għaddej. Naturalment, “il-froġa issa saret, imma b’daqshekk ma jfissirx li l-awtoritajiet jistgħu jibqgħu ċassi quddiem dan kollu”.
Huwa sostna li l-Partit Nazzjonalista, bħall-poplu Malti, jistenna azzjoni fuq żewġ fronti – ħidma mill-Gvern biex kemm jista’ jkun malajr ifittex li jikseb lura dak li jista’ mill-€400 miljun li tefa’ f'din il-konċessjoni frawdolenti. It-tieni, jekk wieħed jixtarr sew x’qalet il-Qorti tal-Appell, din ma kinitx ħadma ta’ Vitals jew Steward waħedha, iżda ħadma mal-Gvern Malti. Caruana Cilia saħaq li l-Qorti, fi ftit kliem, għamlitha faċli lill-Kummissarju tal-Pulizija, biex jibni l-investigazzjoni tiegħu u diġà jista’ jieħu passi kontra xi persuni li huma direttament imsemmija fil-konklużjonijiet tal-istess Qorti.
Caruana Cilia qal li l-poplu, iċ-ċittadin komuni li ta’ kuljum jara l-għoli tal-ħajja tagħmillu ħajtu aktar diffiċli, huwa verament irrabjat u mweġġa’ meta jara flus il-poplu jintremew b’dan il-mod. “Huwa verament irrabjat meta jara tliet ġojjelli tas-saħħa abbandunati b’dan il-mod. Dan hu għaliex ngħidu li għall-korruzzjoni, tħallas int”. Huwa kompla jgħid li llum spiċċajna fi stat fejn it-tobba, l-infermiera u ħaddiema oħra ħabrieka fis-settur tas-saħħa jinsabu taħt stress kbir bl-ammont ta’ xogħol li waqa’ fuqhom, partikolarment l-Isptar Mater Dei. “Id-dinjità tal-pazjent tkissret” għaliex mijiet ta’ pazjenti li setgħu ngħataw il-kura fit-tliet sptarijiet – kellhom jittieħdu Mater Dei minħabba “l-pjan djaboliku ta’ Joseph Muscat u Robert Abela li llum qed inħallsu prezz qares għalih”.
Fl-aħħar huwa saħaq li jispera “li ma jiġix fil-Budget, il-Ministru tal-Finanzi, u jgħid li kellu jaqta’ l-fondi minn hawn jew minn hemm – biex imbagħad komdu jħalli €400 miljun jintilfu qisu qatt ma ġara xejn”. Filwaqt li kompla jtenni li din hi r-realtà li għandna quddiemna u diġà qegħdin tard; tal-inqas, grazzi għall-Partit Nazzjonalista pajjiżna ma tilifx it-tliet sptarijiet; iżda issa huwa fid-dmir tal-Gvern li jara li kull ewro mhux dovut jintradd lura u kull minn seraq lil pajjiżi, jaffronta l-ġustizzja kif jixraq.
Il-gazzetta staqsiet għall-kummemt tal-Whip tal-Partit Laburista Andy Ellul rigward x’responsabbiltajiet politiċi għandhom jittieħdu issa, però t-tweġibiet tiegħu baqgħu ma waslux.