L-impjant 'waste-to-energy' huwa essenzjali biex il-gżira titbiegħed minn miżbliet primittivi

WasteServ tgħid li l-proċess ta’ akkwist ġie vverifikat mill-konsulenti tar-Renju Unit, Frith Resource Management, u kien ibbażat fuq trasparenza u fuq prinċipji ta' governanza tajba

WasteServ irbattiet talbiet li saru mill-offerent Hitachi Zosen Inova AG-Terna S.A, f’appell dwar l-għoti tal-kuntratt għall-faċilità ta’ Malta għall-użu tal-iskart.

L-aġenzija nazzjonali tal-iskart qalet li kull aspett tal-proċess ta’ akkwist ġie aġġudikat kif suppost.

Wasteserv qalet li Frith Resource Management kienet vverifikat il-proċedura kollha tal-akkwist mill-ewwel stadju sa l-evalwazzjoni tal-offerti sottomessi.

Wasteserv qalet li Frith sabet li l-akkwist sar f’waqtu kien effiċjenti u b’hekk ġiet ikkonfermata r-rakkomandazzjoni li l-proġett multimiljunarju jingħata lil Paprec Energies International – BBL Malta.

Paprec, li jifforma parti minn konsorzju li jinkludi Bonnici Brothers għandu dħul ta’ €2.5 biljun u jimpjega 13,000 ħaddiem fi 300 sit, u joperaw fi tmien pajjiżi filwaqt li jamministraw 32 unità għall-irkupru tal-enerġija.

Fl-appell tagħha, Hitachi Zosen Inova AG-Terna S.A ppreżentat erba’ aggravji ewlenin ta’ appell: sostniet li l-proposta teknika tagħha kellha tingħata punteġġ ogħla u li r-raġunijiet għalfejn ma kisbitx marki ogħla mhumiex dettaljati biżżejjed;

Qalet ukoll li l-eliġibilità tal-offerent rebbieħ ġiet ikkonfermata xhur ilu, meta l-ħames konsorzji parteċipanti ġew magħżula – iżda l-WasteServ issostni li l-offerent rebbieħ ressaq id-dokumentazzjoni meħtieġa u ssodisfa r-rekwiżiti kollha tal-eliġibilità;

It-tielet nett, il-WasteServ tinsisti bil-provi tagħha li l-offerta tal-offerent rebbieħ ma kinitx “modesta” iżda ftit ogħla mill-valur uffiċjali ta’ €549 miljun li kien disponibbli u aċċettat mill-offerenti kollha tul il-proċess.

Fl-aħħar nett, l-appellanti targumenta li l-akkwist għandu jiġi kkanċellat jekk l-elementi ta’ hawn fuq ma jwasslux biex jitwettaq il-proġett bi prezz li jiswa €182 miljun aktar minn dak tal-offerent rakkomandat, u 42% ogħla mill-baġit ippubblikat.

Il-WasteServ insistiet li l-informazzjoni ppubblikata tagħha wriet trasparenza, kompetizzjoni u ma tikkostitwixxi ebda irregolarità. Fil-fatt l-appellanti stess, tejbet l-aktar l-offerta inizjali tagħha bi tnaqqis ta’ €202 miljun mid-€984 miljun li ikkwotat fil-bidu.

WasteServ ressqet ukoll spjegazzjoni komprensiva tal-proċess ta’ evalwazzjoni. “Filwaqt li tikkonferma l-punteġġ mogħti – li ġie vverifikat b’mod indipendenti u kkonfermat bħala korrett – jispjega wkoll li l-offerta tal-appellanti xorta ma kinitx tiġi kklassifikata fl-ewwel post, anki jekk l-allegazzjoni tagħha kienet korretta li kellha tikseb punteġġ tekniku marġinalment ogħla.”

Il-WasteServ issejjaħ l-impjant prospettiv tagħha ta’ waste-to-energy bħala essenzjali biex il-gżira titbiegħed minn miżbliet primittivi li jiswew ħafna flus u li jagħmlu ħsara lill-ambjent. 

L-aġenzija tgħid li mingħajr l-impjant il-ġdid, 150,00 metru kwadru ta’ art agrikola – żona ekwivalenti għal 30 grawnd tal-futbol – kienu ddestinati għal landfill ġdida għal skart imħallat. Jekk l-impjant ma jibdix jaħdem fl-2027 kif ippjanat dan jaf ikun ta’ problema.

Bonnici Brothers u Paprec intgħażlu bħala l-offerent preferut fit-13 ta’ Ottubru għall-proġett tal-inċineratur tal-Wasteserv fil-Magħtab. Il-proġett huwa wieħed mill-akbar kuntratti ta’ infrastruttura pubblika li qatt ingħata u l-konsorzju rebbieħ intgħażel wara li ressaq l-inqas offerta ta’ €600 miljun.

More in Socjali