Minn Jannar 2023, aktar minn 100,000 pensjonant tal-irtirar, romol, dawk tal-invalidità u dawk li jieħdu l-pensjoni tal-età se jiżdiedu €15 fil-ġimgħa - €10.73 jitħallsu fil-pensjoni u €4.27 fil-bonus tal-għoli tal-ħajja.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema Malta Ġusta, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon sostna li l-ħlasijiet fuq pensjonijiet biss se jlaħħaq il-€1.1 biljun li jfisser kważi €80 miljun żieda fuq is-sena 2023.
Falzon spjega kif din hija d-disa’ żieda konsekuttiva hekk kif “il-Gvern kompla iwieżen il-bżonnijiet tal-pensjonanti, sena wara oħra”.
“Nemmnu li għandna nkunu hemm għal dawk li għandhom bżonn l-għajnuna filwaqt li nirrikonoxxu l-ħidma ta’ dawk il-persuni illi ħadmu u stinkaw snin sħaħ. Għalhekk għandna d-dover li ntejbulhom il-livell t’għajxien tagħhom filwaqt li nkomplu nifhmu u nindirizzaw il-bidliet demografiċi f’pajjiżna”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Falzon kompla jgħid li l-pensjonijiet ser jibqgħu mhux taxxabbli. Mis-sena d-dieħla ’l quddiem se jkunu inklużi wkoll romol li jkunu għadhom ma għalqux il-61 sena iżda jkunu qed jirċievu l-pensjoni tar-romol b’hkk “titwettaq ġustizzja ma’ dawn il-persuni wkoll”.
Waqt id-diskors tiegħu Falzon qal li l-persentaġġ tad-dħul mill-pensjoni li ma jiġix ikkalkulat bħala dħul għal fini tat-taxxa ser jiżdied għal 60%, biex b’hekk il-pensjonanti li jkollhom dħul addizzjonali fuq il-pensjoni igawdu minn tnaqqis akbar fit-taxxa. 17,000 pensjonant se jgawdu minn dawn il-miżuri, dawk li għandhom dħul addizzjonali fuq il-pensjoni tas-sigurtà soċjali li se jiffrankaw €27 miljun f’taxxa fuq tali dħul.
Falzon indirizza l-anomalija li ħolqot distinzjoni bejn dawk imwielda qabel u wara l-1962. Mis-sena d-dieħla l-istess mekkaniżmu ta’ żidiet fil-pensjoni se japplika kemm għal dawk li twieldu wara u qabel l-1962.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Mark Musu stqarr illi kieku l-Gvern mexa ma’ dan il-mekkaniżmu u skont ir-riforma tal-2006, is-sena d-dieħla l-pensjonanti li twieldu wara l-1962 kienu garantiti jieħdu żieda ta’ €10.87 u dawk li twieldu qabel kienu garantiti jieħdu żieda ta’ żewġ terzi tal-COLA (€8.54). B’din il-bidla, iżda, il-pensjonanti se jieħdu żieda ugwali ta’ €15 fil-ġimgħa.