“Għawdex m’għadux li kien”, dan kien is-senitment ta’ persuna li tkellmet dwar is-sitwazzjoni tal-kriminalità f’Għawdex li fl-aħħar ġimgħat kienet is-suġġett ta’ diskussjoni fost l-Għawdxin. Hawn, iż-żieda fil-popolazzjoni ġiet innutata bħala waħda mir-raġunijiet wara tibdiliet kbar fil-gżira ta’ tliet għoljiet.
Din il-gazzetta tkellmet ma’ sid ta’ waħda mill-gabbani li safa vittma ta’ dan is-serq. Is-sors qal li l-affarijiet f’Għawdex inbidlu, u li Għawdex “m’għadux li kien”.
Kompla jgħid li snin ilu Għawdex kien ħafna iktar sigur milli huwa llum il-ġurnata, hekk kif qal li “in-nies kienet tafda ċ-ċavetta mal-bieb, imma illum ma tistax tagħmel hekk”.
L-ILLUM staqsiet ukoll jekk hux isir sforz min-naħa tal-Awtoritajiet sabiex jiżguraw post sigur mingħajr atti kriminali oħra, u sid il-gabbana tenna li “għajnuna mill-Pulizija sibna, il-Pulizija qed jaħdmu ħafna,” peró stqarr li dan mhux kollu. Skont is-sors hemm bżonn iktar Pulizija fit-toroq, jgħassu fuq barra, mhux li jkunu stazzjonati ġewwa l-għassa għax “min ikun magħluq fl-għassa mhux ħa isolvu l-problemi ta’ barra”.
Mal-ILLUM tkellem ukoll il-Kelliem għal Għawdex tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fejn saħaq li dawn is-serqiet li seħħew ġewwa Għawdex, “mhumiex sentiment tal-aħħar jiem iżda ilna nesperjenzaw xeni ta’ serq – ilha ġejja xhur”. Fil-fatt, wara l-katina ta’ serqiet, ħafna Għawdxin mhux iħossuhom siguri. Borg temm jgħid li wara taħditiet ma’ nies lokali, bosta Għawdxin qed jinstallaw apparat ta’ kameras għax, “mhux iħossuhom siguri f’darhom stess.”
Huwa żied jgħid li l-Pulizija għandhom jaħdmu b’ħidma proattiva sabiex tiġi assigurata s-sigurtà fost ir-residenti.
Borg kompla jgħid li l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri qed “ipittirha tal-mument.” Borg jappella li hemm bżonn isir xi ħaġa sabiex jiġi kkontrollat is-serq, hekk kif jisħaq li dan mhux jagħmlu biex jallarma lin-nies, “imma hemm bżonn pressjoni biex tittieħed azzjoni.”
Borg sostna li għalkemm seħħet bidla demografika, hija xi ħaġa pożittiva għax ġabet magħha multikulturiżmu, iżda hija xi ħaġa li Għawdex ma kienx ppreparat għaliha. Għawdex ma kienx ppreparat fis-settur edukattiv u l-anqas fis-settur tas-saħħa, hekk kif Borg kompla jsemmi l-investiment li suppost kellu iseħħ fuq l-isptar imma dan qatt ma sar.
“Kif tista’ tibqa’ tikber il-popolazzjoni u ma tippreparax?” saħaq Borg. Sfortunatament, dan in-nuqqas ta’ preparazzjoni wassal għal ‘ripple effect’ fejn qed jseħħ serq u ġlied fit-toroq Għawdxin, temm jgħid Borg.
Rigward ir-riżorsi tal-Pulizija f’Għawdex, Borg qal li l-unika distrett tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali (CID) kien hemm iżżarma mill-Ministru Camilleri. Borg saħaq li hemm bżonn iktar infurzar, kif ukoll kundizzjonijiet itjeb għall-Pulizija b’mod in ġenerali, sabiex dawn ikomplu jagħmlu xogħolhom.
Borg qal li l-Pulizija f’Għawdex m’għandhomx l-infurzar u l-‘backing’ li jsibu Pulizija stazzjonati Malta. Dan minħabba li f’Għawdex, l-iskadwra tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijet Kriminali għad fadlila biss żewġ kuntistabbli li kienet l-unika waħda ġewwa l-gżira. Borg jgħid li din il-mossa qatgħet qalb dawk il-Pulizija stazzjonati Għawdex għax il-Pulizija minflok qed jiġi appoġġjat, “tefgħuh għal riħu”.
Skont statistika akkwistata mill-Pulizija, minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena, irriżulta li ġew irrappurtati total ta’ 170 serqa f’Għawdex. Meta kkumparat man-numru tas-sena l-oħra, jidher li fl-2022 kien hemm fuq 29 serqiet iktar, jiġifieri fis-sena 2022 ġew irrappurtati total ta’ 199.
Il-ħames ogħla ammont ta’ serqiet rrappurtati skont il-Pulizija kienu bejn l-2002 u 2023, li kienu ta’ 332 (2006), 329 (2002), 310 (2005), 285 (2014) u 284 (2008). Dawn it-tip ta’ serqiet ivarjaw minn serq minn vetturi, ħwienet u djar.