Bħala medja, il-ħaddiem f’Malta jaħdem 1,760 siegħa fis-sena (jew 33.8 siegħa fil-ġimgħa) meta mqabbla tal-Unjoni Ewropea (UE) fejn il l-medja hija ta’ 1,714 siegħa (jew 33 siegħa fil-ġimgħa), kif juri rapport tal-Eurofound.
L-istudju mill-Aġenzija tal-UE għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol jiżvela li l-impjegati fi Franza, id-Danimarka u l-Isvezja jaħdmu l-inqas sigħat, primarjament minħabba li għandhom sigħat ta’ xogħol iqsar fil-ġimgħa. Filwaqt li l-medja tas-sigħat tax-xogħol fil-ġimgħa f’Malta huma ta’ 40 siegħa, fi Franza, dan jinżel għal 35.7 siegħa. B'kuntrast, l-impjegati fl-Estonja, l-Ungerija u l-Polonja jaħdmu medja ta' kważi 1,850 siegħa fis-sena l-aktar minħabba li jkollhom inqas jiem ta' leave.
Tabella fir-rapport tikkalkula l-medja tal-ħin tax-xogħol annwali normali kif miftiehem f’kull stat membru għall-2022.
Iċ-ċifri jirrappreżentaw in-numru ta’ sigħat li l-ħaddiem għandu jaħdem full-time f’kull pajjiż skont il-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet fis-seħħ.
Dawn iċ-ċifri jeskludu fatturi bħal sahra (overtime), forom oħra ta’ ħin liberu, jew leave, bħal sick leave jew leave tal-ġenituri u tal-maternità.
Biex jiġu kkalkulati s-sigħat tax-xogħol annwali, in-numru miftiehem ta’ sigħat normali fil-ġimgħa huwa mmultiplikat bi 52 biex jipprovdi total għas-sena kollha.
Fejn ma jkunux disponibbli s-sigħat fil-ġimgħa, minflok tintuża l-ġimgħa tax-xogħol statutorja massima.
Fil-każ ta’ Malta, iċ-ċifra hija bbażata fuq il-fatt li ħin normali tax-xogħol fil-ġimgħa huwa ta’ 40 siegħa. Minn din iċ-ċifra annwali totali, titnaqqas il-leave annwali mħallas u n-numru ta’ sigħat ta’ vaganzi pubbliċi.
L-istudju jqis ukoll li n-numru ta’ btajjel pubbliċi jista’ jvarja minn sena għal oħra, speċjalment f’pajjiżi li ma jagħtux vaganza ta’ sostituzzjoni meta festa pubblika taħbat fi tmiem il-ġimgħa.
L-istudju jsemmi wkoll żviluppi f’Malta, fejn it-tul ta’ żmien minimu bażiku tal-leave annwali mħallas żdied fl-2022 minn 192 siegħa (ekwivalenti għal 24 jum ta’ xogħol) għal 224 siegħa (28 jum ta’ xogħol) biex jikkumpensaw għall-btajjel pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa.
L-istudju juri wkoll li t-tul totali kkombinat tal-leave annwali miftiehem u l-btajjel pubbliċi jvarja ħafna madwar l-UE. Fl-2022, varja minn 28 jum fl-Estonja, l-Ungerija, il-Belġju, u l-Olanda għal 38 jum fid-Danimarka u 40 jum f’Malta. Id-differenza bejn l-iżgħar u l-akbar ċifri hija ekwivalenti għal aktar minn ġimgħatejn xogħol.