L-ebda entità ma żżomm rekord ta’ kawżi ta’ inċidenti tat-traffiku

Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn l-istatistika disponibbli fuq l-inċidenti tat-traffiku u analizzat l-ammont ta’ inċidenti li seħħew f’Malta iżda baqgħet bla raġuni għaliex seħħew

X’inhuma r-raġunijiet prinċipali li qed iwasslu għall-inċidenti tat-traffiku f’Malta, b’mod partikolari dawk li jinvolvu l-imwiet? 

Din hi mistoqsija li ġriet fil-kurituri tal-imħuħ ta’ għexerien ta’ persuni li jitħassbu fuq is-saħħa u s-sigurtà fit-toroq Maltin. Minkejja l-importanza tal-mistoqsija, din ma tistax titwieġeb minħabba l-fatt li l-ebda awtorità ma tinvestiga l-kawżi tal-inċidenti, għajr dawk miftuħa b’inkjesti maġisterjali li jinħatru f’każijiet serji, inkluż dawk li jinvolvu l-imwiet.  

Għalhekk l-unika mistoqsija li tista’ titwieġeb hija kemm seħħew inċidenti tat-traffiku, iktar milli kif seħħew il-maġġoranza tal-inċidenti tat-traffiku. Għal dan irridu ngħidu grazzi lid-data miġbura mill-Ufiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO. 

Skont l-NSO, 26 persuna sfaw vittma ta’ inċidenti tat-traffiku matul l-2022. L-istess ċifra kisret rekord, hekk kif l-2022 kienet l-aktar sena bl-ammont ta’ fatalitajiet fit-toroq Maltin.  

Fil-fatt meta wieħed jikkumpara l-ammont ta’ fatalitajiet fl-2021 mal-2022, Malta kellha żieda allarmati ta’ 180% skont il-Kummissjoni Ewropea. Malta kienet segwita min-Netherlands li kellha żieda ta’ 20% u l-Belġju li kellu 16%. 

Statistika tal-NSO żvelat ukoll li matul l-ewwel kwart tas-sena tal-2023, erba’ persuni sfaw vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku, żieda ta’ 13.3% mill-ewwel kwart tas-sena l-oħra, filwaqt li kien hemm żieda ta’ 6.3% fl-ammont ta’ inċidenti tat-traffiku fl-ewwel kwart tal-2023, meta mqabbel mal-ewwel kwart tal-2022. 

Rigward it-tieni kwart tal-2023, kien hemm erba’ fatalitajiet oħra, b’żieda ta’ 0.6% mit-tieni kwart tas-sena l-oħra. Dan filwaqt li kien hemm tnaqqis ta’ 2.4% fl-ammont ta’ mwiet meta mqabbel mat-tieni kwart tal-2022. 

Il-lokalità ta’ Birkirkara baqgħet fl-ewwel post kemm fl-ewwel kwart, kif ukoll fit-tieni kwart tal-2023, bħala l-iktar lokalità li kellha inċidenti tat-traffiku; 271 fl-ewwel kwart, u 278 fit-tieni kwart. Magħqudin flimkien, Birkirkara esperjenzat 549 inċident tat-traffiku li seħħew sa nofs is-sena. 

Transport Malta riċentament ħabbret il-ħatra ta’ Chairperson ġdida, Theresa Bajada, li se sservi bħala s-suċċessur ta’ Pierre Vella f’dan l-irwol. Fi stqarrija, Transport Malta qalet li din it-tranżazzjoni “waslet f’mument kruċjali hekk kif il-Gvern joqrob lejn it-tlestija ta’ proċess leġiżlattiv li se jistabbilixxi formalment il-pożizzjoni legali tal-Kunsill.” 

Barra minn hekk, Transport Malta qalet li se jkun ippubblikat qafas leġiżlattiv “robust” permezz ta’ avviż legali, sabiex “jistabbilixxi pedament sod għall-operazzjonijiet u l-inizjattivi tal-Kunsill taħt it-tmexxija l-ġdida.” 

Kif inhu mifhum, f’Mejju li għadda, Transport Malta ħabbret tariffi ġodda, b’żieda fl-ammont ta’ kemm jiġi mħarrek sewwieq jekk jinqabad jikser ir-regolamenti tat-traffiku, fosthom jekk juża l-mobile waqt is-sewqan jew jekk ma jiqafx fuq l-aħmar. F’dawn il-każijiet is-somma telgħet minn €100 għal €200. Wieħed jittama li ż-żieda fl-ammont ikkawżat bidla fil-mentalità, bit-tama li jitnaqqas in-numru ta’ inċidenti fil-futur. 

More in Socjali