Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar il-proġett b’investiment ta’ €1.2 miljun ta’ riġenerazzjoni taż-żona Taċ-Ċawla u ħabbar li sal-aħħar tas-sena se jkun lest ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq il-blokka ta’ 8 appartamenti.
Il-proġett ta’ riġenerazzjoni taż-Żona taċ-Ċawla qed isir fuq medda ta' art ta’ 3,750 metru kwadru. 330 metru kwadru, jiġifieri 9% tal-ispazju eżistenti ser ikun iddedikat għall-akkomodazzjoni soċjali. Il-kumplament tal-ispazju, dak ta' tliet tomniet, qed jiġi ġġenerat bi playing field, outdoor gyms, żona rikreattiva b'water features kif ukoll landscaping estensiv.
Dan il-proġett huwa mmirat biex tiżdied l-akkomodazzjoni soċjali kif ukoll biex jiġi mmodernizzat u jingħata aktar spazju pubbliku lin-nies.
Camilleri saħaq li “tliet xhur ilu bdejna l-proġett taċ-Ċawla u sa xahar ieħor se tkun lesta l-kostruzzjoni ta’ tmien appartamenti li se jkunu aċċessibbli bil-lift”. Huwa kompla jgħid li “se jibda t-tisbiħ tal-madwar, taż-żona taċ-Ċawla, sabiex il-familji li joqogħdu hawnhekk jingħataw ambjent mill-isbaħ u aktar spazji rikreattivi”.
Il-Ministru fakkar ukoll li jitkabbar il-football pitch eżistenti b’150 metru kwadru għal 850 metru kwadru. Barra minn hekk, se jiżdiedu wkoll is-siġar fiż-żona kif ukoll ammont ta’ arbuxelli u se tiġi installata sistema ta’ dawl ġdida.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li dan il-proġett ħolistiku jikkumplimenta l-viżjoni tal-Gvern biex joħloq aktar spazji rikreattivi għall-familji Għawdxin u Maltin.