Introdotta sistema ta’ polza għall-iskema Irrestawra Darek

L-iskema hija applikabbli fuq bini skedat gradi 1 u 2. Is-sistema tal-polza ġiet introdotta biex telimina s-sistema tal-first come first served u se tittella’ nhar it-Tnejn 11 ta’ Diċembru li ġej

L-awtorità tal-Ippjanar ħabbret li sidien ta’ binjiet residenzjali skedati ta’ Grad 1 jew 2 ser ikunu jistgħu japplikaw għal-skema sabiex jirrestawraw il-faċċata tal-proprjetà tagħhom u jirċievu rifużjoni ta’ 100% għax-xogħlijiet.

L-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret li ser tkun qiegħda talloka €1 miljun għal dawn il-proprjetajiet. B’differenza mill-iskemi ta’ Irrestawra Darek tal-passat, l-Awtorità introduċiet sistema ta’ polza sabiex telimina s-sistema tal-first come first served. Din il-polza se tittella’ nhar it-Tnejn 11 ta’ Diċembru li ġej fid-09:00.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara kritika qawwijja, inkluż mill-Kamra tal-Periti (KTP), meta is-sistema elettronika imħaddma sal-llum falliet fil-jum li nfetħet l-iskema għall-applikanti. 

Fi stqarrija, l-Awtorità ħabbret li l-applikanti interessati mhux ser ikollhom bżonn jinvolvu perit f’dan l-istadju u minflok jistgħu sempliċement jissottomettu l-interess tagħhom li jibbenefikaw mill-iskema, dan billi japplikaw online jew iżuru l-uffiċċini tal-Awtorità tal-Ippjanar. 

Kull sottomissjoni tingħata numru speċifiku u titpoġġa f’urna. Barra minn hekk in-numri kollha ser ikunu mtellgħin fi tlugħ pubbliku, u elenkati f’ordni sekwenzjali. Dan kollu se jsir fl-uffiċini tal-Awtorità fil-Furjana.

Dawk l-applikanti li se jitellgħu bil-polza ser jiġu nnotifikati u minnufih jistgħu jikkuntattjaw lill-perit tagħhom u jibdew il-proċess għas-sottomissjoni ta’applikazzjoni formali li tkun tinkludi s-sottomissjoni stqarrija ta’ metodu għar-restawr u lista ta’ rati tax-xogħlijiet.

L-Awtorità qalet li ser tiffinanzja x-xogħlijiet kollha ta’ restawr eliġibbli mwettqa, sa massimu ta’€15,000. Ir-rifużjoni ser tinkludi wkoll sa €800 għal ħlasijiet ta’ servizzi professjonali eliġibbli (inklużi l-ispejjez tal-perit) u €200 għall-ħlasijiet tal-permessi tal-Kunsill Lokali.

Oliver Magro, Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, saħaq li s-sidien ta’ binjiet skedati għandhom jassiguraw li l-proprjetà tagħhom ma ssirilhiex ħsara u

tinżamm f’kundizzjoni tajba.

Finalment il-Kap Eżekuttiv fakkar fix-xogħlijiet eliġibbli, dawn jinkludu; tindif speċjalizzat (mhux invjar, power washing jew tbaqqin) tal-faċċata, tiswija/tibdil ta’ bibien, aperturi jew gallariji tradizzjonali tal-injam/ġebel/ferrobattut u tibdil ta’ aluminju/PVC b’materjali tradizzjonali.

Sidien residenzjali ta’ proprjetajiet skedati fi Grad 1 jew 2 jistgħu jissottomettu l-interess tagħhom bejn il-Ħamis 16 ta’ Novembru 2023 fit- 08:00 u l-Erbgħa 6 ta’ Diċembru 2023 (nofsinhar).

Għal aktar informazzjoni wiħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Awtorità www.pa.org.mt

More in Socjali