L-Uffiċċju Meteoroloġiku osserva li Ottubru kien l-iktar xahar niexef mill-1922

Dawn ix-xejriet tat-temp juru Ottubru mhux tas-soltu u li kiser rekord f’Malta, ikkaratterizzat minn nuqqas ta’ xita, temperaturi għoljin u ftit li xejn riħ 

L-Uffiċċju Meteoroloġiku osserva li Ottubru kien l-iktar xahar niexef mill-1922. Fil-fatt, matul ix-xahar li għadda, tkejlu biss 0.2mm xita u dan meta n-norma klimatika għal Ottubru hija ta’ 77.6mm.

Dan it-temp xott kien akkumpanjat minn temperaturi aktar sħan minn dawk li normalment nesperjenzaw f’dan iż-żmien tas-sena, hekk kif żona ta’ pressjoni baxxa baqgħet għal żmien twil stabbli fuq il-Mediterran. It-temperaturi komplew jitilgħu hekk kif nefaħ fuq il-gżejjer Maltin riħ mid-Deżert Saħara. Riżultat ta’ dan, it-temperatura medja kienet dik ta’ 23.9°C, jiġifieri 2.2°C ogħla min-norma klimatika.

L-ogħla temperatura matul Ottubru laħqet il-31.7°C fit-18-il jum. 

l-aktar ġurnata sħuna qatt irreġistrata f’Ottubru tibqa’ dik tas-27 ta’ Ottubru tal-1999 li telgħet sa 34.5°C. 

Mill-banda l-oħra, l-aktar temperatura baxxa matul Ottubru li għadda tkejlet fil-15 tax-xahar meta niżlet għal 17.8°C. It-temperatura medja f’wiċċ il-baħar kienet dik ta’ 25.7°C, jiġifieri ftit ogħla min-norma klimatika ta’ 24°C.

It-temperaturi għolja ta’ Ottubru 2023 kienu akkumpanjati minn 259.3 sigħat xemxin. Ifisser li Malta gawdiet minn 41.6 siegħa xemx aktar. 

L-aktar ġranet xemxin kienu d-9 u l-14 tax-xahar, li matulhom tkejlu 10.2 sigħat xemxin. Filwaqt li l-iktar jum mudlam kien 25 ta’ Ottubru. 

Il-koperatura medja tas-sħab kienet ta’ 1.8 oktas, jiġifieri inqas min-norma klimatika ta’ 3.7 oktas.

Ottubru li għadda kien ukoll xi ftit inqas mirjieħ, fil-fatt, il-qawwa medja tar-riħ kienet ta’ 6.5 knots, jew 0.9 knots inqas min-norma klimatika. L-aktar buffura b’saħħitha laħqet id-29 knots u nefħet fuq il-gżejjer Maltin min-Nofs in-Nhar Kwarta Lbiċ fl-20 ta’ Ottubru.

More in Socjali