Gidma ta’ Pitbull tiswa lil sidu €104,021
Is-sidien ta' kelb li attakka tifel ta' 14-il sena f'Bormla, każ li seħħ f'Awwissu 2018 ġew ordnati jħallsu €104,021 f'danni lill-vittma hekk kif saħaq li l-kelb attakkalu siequ, waqqgħu mal-art u beda jifferoċja aktar sakemm imbagħad telqu minn bejn snienu
minn Matthew Agius
Is-sidien ta’ kelb li kien attakka u fera serjament tifel ta’ 14-il sena fl-2018 ġew ordnati jħallsu €104,021 f’danni lill-vittma. Dan kien l-eżitu ta’ deċiżjoni tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Toni Abela, mogħtija nhar il-Ħamis 16 ta’ Novembru.
Il-kawża tittratta inċident li seħħ nhar l-20 ta’ Awwissu 2018 ġewwa Bormla, Malta, fejn it-tfajjel, Jean Claude Vella, safa aggredit minn kelb tar-razza American Pitbull, li kien fil-pussess ta’ Marjan Lee Pantalleresco u Frances Pantalleresco.
Dakinhar Vella kien mar jgħin lil missieru fil-ħanut tiegħu. F’ħin minnhom, waqt li Vella kien qed jarmi xi kaxxi tal-kartun ftit ’il bogħod mill-ħanut ta’ missieru, kelb tar-razza pitbull – li la kien marbut u lanqas ma kellu ċinga jew sarima ma’ ħalqu – kien għamel għat-tifel u weġġgħu sew.
B’riżultat tal-attakk mill-kelb, Vella kien sofra ġrieħi gravi u ta’ natura permanenti, kemm fiżiċi, kemm psikoloġiċi, u kemm psikjatriċi, u għaldaqstant kien fetaħ kawża għad-danni kontra s-sidien tal-kelb.
Fir-rapport li kien għamel mal-Pulizija, u li mbagħad kien ikkonferma taħt ġurament fil-Qorti, Vella kien ta rakkont tal-inċident. “Jiena tfajt il-kaxxa u kien hawn li kien ġie ‘rakant għalija u beda jnejjeb għalija. F’daqqa waħda rajtu quddiemi, fejn ma ‘ċċaqlaqtx imma bdejt ngħajjat lil missieri u kien hawn li ħatafli saqajja ‘l-leminija, taħt l-irkoppa. Il-kelb imbagħad waqqagħni mal-art u dar għas-sieq ix-xellugija u kien hawn li jiena żidt fl-għajjat u l-kelb beda jifferoċja aktar u … qabad iqattagħni u kompla sakemm telaqni. Imbagħad ġiet sidu, mara, fejn qbadtha mill-flokk taċ-ċingi u ftit wara nara lil missieri u ntlift minn sensija”.
Il-konvenuti Pantalleresco ma daħlu l-ebda risposta għall-kawża u lanqas ma kienu dehru l-Qorti.
L-imħallef Abela qal li mill-provi fil-kuntest tal-inċident, il-Qorti kienet moralment konvinta li dak li ġara kien seħħ minħabba li l-konvenuta ħarġet lill-kelb mingħajr ċinga u sarima.
“Li kienet toħroġ lil dan il-kelb mingħajr ċinga, jidher li kienet ħaġa abitwali anke jekk skont il-konvenut kien hemm ċinga wara l-bieb. Fil-fatt l-istess konvenut jixhed li kien xeba’ jgħidilha sabiex il-kelb toħorġu biċ-ċinga. Jew jekk mhux biċ-ċinga bis-sarima milbusa sew.”
Il-Qorti saħqet li l-Kodiċi Ċivili jagħmilha mandatorja li kelb, anke meta ma jkunx temperamentali, għandu dejjem jinżamm fuq ċinga. “Imma anke kieku ma kienx hemm dan l-Avviż Legali, is-sens komun jiddetta li sid l-annimal għandu dejjem jara li dan ma jkunx ta’ periklu għal ħaddieħor.”
Diversi sentenzi ċitati mill-Qorti saħqu li r-responsabbiltà ta’ sid l-annimal li jweġġa’ bniedem hija waħda assoluta. “L-uniku difiża li jista’ jkollu huma l-forza maġġuri jew li ddanneġġjat ikun ġab is-sitwazzjoni b’idejh bħal meta jkun nibex lill-annimal jew prova jsawtu, li ma kienx il-każ hawnhekk.”
B’żieda ma’ dan, qalet il-Qorti, hemm il-fatt li s-Sinjura Pantelleresco mhux biss baqgħet ma dehritx għall-kawża, iżda lanqas m’offriet li tixhed sabiex tipprova tirribatti l-verżjoni ta’ Vella.
L-inċident kien wassal għal proċeduri kriminali kontra Frances u Marjan Pantelleresco, fejn dawn kienu nstabu ħatja u ġew ikkundannati għal ħmistax-il ġurnata priġunerija kull wieħed.
Fid-deċiżjoni tiegħu fil-kawża għad-danni, l-Imħallef Abela qabel ma’ din is-sentenza.
Il-Qorti tal-Maġistrati kienet korrettement ikkonkludiet li Frances Pantellersco messha l-ewwel aċċertat li l-kelb kien fuq iċ-ċinga biex tevita li jaħarbilha.
"Għalhekk fid-dawl ta’ dan kollu, din il-Qorti lanqas tista’ ma ssibx lill-konvenuta responsabbli għall-inċident. Il-konvenut Marjan Pantelleresco kien stqarr fil-Qorti li l-kelb huwa tiegħu, bl-Imħallef jinnota li “tant kien tiegħu li saħansitra jgħid li jekk joħduhulu jmur jaqbeż. Huwa sostna li kien rieqed fil-ħin meta seħħ l-inċident u meta ommu kienet ippruvat tqajmu biex tgħidlu x’ġara, kien qalilha biex tħallih jorqod.
“Jiġifieri anke wara li seħħ l-inċident ma tax kas għalkemm kien jaf x’ġara tant li qajmuh il-Pulizija,” innutat il-Qorti.
“Però jgħid ukoll … li kien xeba’ jgħidilha lil ommu sabiex il-kelb toħorġu biċ-ċinga jekk mhux biċ-ċinga bis-sarima milbusa sew. B’dan kollu jidher, li ommu qatt ma tat kasu u flok qalilha toħorġux aktar, saħansitra jipprova jiskuża għemilha meta jgħid li minn mara bħal dik tistennieha, b’referenza għall-età tagħha ta’ sitta u sittin sena.”
Il-Qorti qalet li mill-aspett legali, żewġ ċirkostanzi biss jistgħu jeżoneraw lis-sid mir-responsabbiltà għad-danni: il-forza maġġuri jew jekk il-vittma tkun tat okkażjoni għall-inċident. “Din il-prova kellhom jagħmluha l-konvenuti u partikularment il-konvenut, għaliex altrimenti r-responsabbiltà tiegħu hija assoluta.”
Il-ġurisprudenza tgħallem li min irid jeħles minn dik ir-responsabbiltà hu tenut jipprova, jew il-fatt tat-terz jew il-vis major (li l-inċident kien seħħ minħabba raġuni ta’ forza irreżistibbli), qal l-Imħallef. “Li ma kienx hekk, kull sid ta’ annimal jista’ jiskarta milli jkun responsabbli għar-raġuni li meta jseħħ l-inċident dannuż mill-annimal fejn hu ma kienx preżenti.”
“Għalhekk huwa ċar li anke l-konvenut għandu jwieġeb għad-danni li sofra l-attur flimkien mal-konvenuta.”
Rigward l-ammont ta’ danni li għandhom jitħallsu, il-Qorti qieset li kirurgu plastiku kien irrapporta diżabiltà permanenti fiżika ta’ 9%. Min-naħa l-oħra, psikjatra, li eżaminat lil Vella f’Mejju tal-2012 – ftit anqas minn tliet snin wara l-inċident – sabet diżabiltà permanenti ta’ 12%.
Il-Qorti qieset li diżabiltà permanenti ta’ 18% tkun ġusta fiċ-ċirkostanzi, u kkalkulat li d-danni sofferti minn Vella mit-telf ta’ introjtu jilħqu l-€94,021, ma’ liem ammont żiedet €10,000 biex jagħmel tajjeb għall-fattur tal-età żgħira tal-vittma.
Il-konvenuti Pantelleresco ġew ukoll ordnati jħallsu l-ispejjeż tal-kawża kollha, bejniethom.