Il-President tal-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN) Paul Pace u l-Ministeru tas-Saħħa ma ħabbrux is-salarji ġodda u benefiċċji li se jgawdu minnhom l-infermiera u l-qwiebel f’Malta, hekk kif saħqu li dawn iċ-ċifri ta’ ħaddiema pubbliċi ma jistgħux jiġu ppubblikati.
Paul Pace baqa’ sieket fil-konfront ta’ kemm se jiżdied is-salarju tal-infermiera. Minkejja l-ftehim settorali l-ġdid li ntlaħaq bejn il-membri tal-MUMN u l-Gvern, Pace saħaq li “l-Gvern ma jiħux gost” jekk in-numri joħorġu fil-pubbliku. Dan minkejja li l-infermiera u l-qwiebel jaqgħu taħt is-settur pubbliku.
Rigward il-ftehim kollettiv il-ġdid li ġie ffirmat, Pace għażel li jibqa’ sieket u sostna li qatt ma kien hemm settur ieħor li ħabbar pubblikament kemm hi l-iskala tas-salarju tagħhom. Dan minkejja li f’Settembru li għadda, f’kumment mat-Times of Malta, wara li kien ġie ffirmat il-ftehim settorali ġdid, Pace kien pubblikament żvela li ż-żieda se tkun bejn €4,000 u €6,000 fis-sena.
Mill-banda l-oħra, il-Ministeru tas-Saħħa wkoll għażel li jibqa’ sieket meta tressqet quddiemu l-mistoqsija ta’ kemm se tkun iċ-ċifra globali.
Fuq il-ftehim settorali l-ġdid, li hu magħruf żgur hu li l-ftehim settorjali ġie approvat b’87% ta’ voti favur.
Fil-midja, l-MUMN saħqet li se jiġu introdotti allowances ġodda għall-gradwati ġodda. Barra minn hekk se jiżdiedu l-allowances eżistenti kollha.
Waqt konferenza stampa f’Marzu 2023, Pace kien stqarr li l-proposta mressqa tammonta għall-baġit ta’ €75 miljun, bl-għan li jitjieb il-post tax-xogħol tal-infermiera u l-qwiebel, u fl-istess ħin jiġbed aktar nies biex jidħlu jaħdmu f’dan is-settur. Dakinhar, Pace kien qal li l-Gvern kien irrifjuta għax ma hemmx biżżejjed fondi u li hija mossa umiljanti lejn il-professjonisti tas-settur tas-saħħa.
L-infermiera kienu bdew azzjoni industrijali aktar kmieni f’April ta’ din is-sena u wara numru ta’ taħditiet, dawn irrifjutaw l-offerta finali tal-Gvern b’97.6% ta’ voti kontra. Din kienet l-ikbar laqgħa ġenerali li saret mal-infermiera u l-qwiebel hekk kif kienu attendew mat-804 ħaddiem.
L-infermiera kienu mbagħad reġgħu bdew it-taħditiet mal-Ministeru tas-Saħħa u l-biċċa l-kbira tal-proposti mressqa mill-Union, eventwalment ġew aċċettati.
Ġie miftiehem li l-proposti mressqa mill-MUMN se jiġu introdotti matul perjodu ta’ ħames snin. Fost miżuri oħra, il-ftehim se jintroduċi wkoll inċentivi ġodda biex iħeġġu liż-żgħażagħ jingħaqdu mal-professjoni tal-infermiera u l-qwiebel, filwaqt li jżommu l-forza tax-xogħol eżistenti.
Bosta mill-infermiera kienu qed jaħdmu total ta’ 46 siegħa fil-ġimgħa. Fil-fatt talba minnhom kienet tikkonċerna r-remunerazzjoni tas-6.6 siegħa żejda li jaħdmu l-infermiera u l-qwiebel bħala parti mir-roster normali tagħhom. Għal dawn is-sigħat kienu jitħallsu b’rata fissa, li kienet ilha hemm sa mill-1970. Iżda issa, taħt il-ftehim kollettiv il-ġdid, dawn is-sigħat żejda se jitħallsu għalihom b’rati ta’ sahra (overtime).
Il-ftehim jinkludi wkoll proporzjonijiet riveduti ta’ staff-to-patient għall-Isptar Mater Dei u d-Dar San Vinċenz de Paul. F’San Vinċenz de Paul kien ikun hemm proporzjon ta’ infermiera għall-ammont ta’ pazjenti fl-isptar; infermiera waħda għal kull 10 pazjenti matul il-ġurnata u żewġ infermiera għal kull sala billejl. F’Mater Dei kien ikun hemm proporzjon ta’ infermiera għal kull erba’ pazjenti matul il-jum u tliet infermiera għal kull sala billejl.
Barra minn hekk, is-sistema ta’ palm reader tiġi introdotta biss meta l-impjegati kollha, irrispettivament mill-iskali tas-salarju tagħhom (Diretturi, Konsulenti Mediċi, top management fi ħdan il-ministeru, eċċ.), jaqblu li jużawha huma wkoll.
Minn dan il-ftehim settorjali ġdid mistur se jgawdu 4,000 ħaddiem. Taħt dan il-ftehim hemm qbil li l-allowances mhux se jitnaqqsu meta infermiera ma jirrappurtawx għax-xogħol għal raġunijiet mediċi.
L-Union riedet ukoll li r-rata ta’ 10% ta’ taxxa għas-sahra tkun bħalma għandhom il-pulizija iżda l-Gvern kien offra dan biss lil dawk li jaħdmu 56 siegħa fil-ġimgħa u li se jirċievu bonus ta’ €1,000 fis-sena.