Il-General Workers’ Union (GWU) saħqet li dejjem emmnet li jkun hemm ċirkostanzi li l-ħaddiema għandhom jużaw il-vaganzi għall-mard (‘sick leave’) biex jieħdu ħsieb lil uliedhom meta jkunu morda.
Din is-sitwazzjoni ġiet diskussa waqt laqgħa fl-Employment Relations Board, il-GWU kienet favur li jintużaw il-vaganzi għall-mard f’każ ta’ bżonn meta l-ulied ikunu morda.
Il-GWU sotniet li l-kunċett ta’ bilanċ bejn id-doveri familjari u dawk fuq il-post tax-xogħol ma għandu qatt ikun fuq il-karta biss, filwaqt li qalet li dawn ilhom jiġu diskussi kemm f’negozjar kollettiv u kif ukoll fuq livell nazzjonali.
Is-Segretajru Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja sostna “Għalkemm diġà jeżistu l-vaganzi urġenti għall-familja għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza familjari, nafu lkoll kemm it-tfal jimirdu ta’ spiss. Ma nistax nifhem kif fil-passat riċenti kulħadd jitkellem dwar il-fiduċja fil-ħaddiema u f’daqqa waħda nitkellmu fuq nuqqas ta’ fiduċja.”
Bugeja kompla jgħid li dawn huma sitwazzjonijiet normali u li m’għandnix nitkellmu kontrihom.
Il-GWU se tkun tkun qed tressaq il-proposti tagħha għad-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-Qafas ta’ Politika għat-Tfal 2024-2030.