Moviment Graffitti| Ministru Farrugia, il-kosta tan-nies, mhux tal-jottijiet!

Il-Moviment Graffitti sostna li l-artijiet u l-ibħra ta’ Malta m’għandhomx jiġu sfruttati għall-benefiċċju ta’ ftit għad-detriment tal-aċċess pubbliku

Moviment Graffitti (MG) qasmu t-tħassib tagħhom dwar l-istrateġija tal-Gvern bil-mira li jattira iktar superyachts ġo Malta, flimkien ma’ aħbar oħra li qed tiġi pjanata r-reklamazzjoni tal-art.

“Bħala Moviment Graffitti, il-pożizzjoni tagħna tibqa’ ċara u tonda: la l-art u lanqas il-baħar m’għandhom jitqiesu bħala sors ta’ qligħ għall-privat, għax huma l-ftit postijiet li fadlilna.”

L-għaqda mhux governattiva saħqet li l-artijiet u l-ibħra Maltin m’għandhomx jibqgħu jiġu sfruttati għall-profitt tal-ftit. “Aaron Farrugia u l-Gvern issa jridu jieħdu dan l-ispazju wkoll biex is-sinjur ikompli jistagħna.”

Skont l-għaqda, in-numru ta' jottijiet reġistrati f’Malta diġà żdied b’iktar minn għaxar darbiet, minn 100 għal 1,110. Komplew jgħidu li minħabba dan, in-nies tas-sengħa f'din l-industrija qed ikomplu jonqsu. 

"L-istess dokument li ppreżenta Farrugia jiżvela li saru diversi konsultazzjonijiet mal-industrija tas-superyachts. Aħna ninsistu li l-iktar stakeholder importanti huwa l-pubbliku, u dan s’issa għadu ma ġiex ikkonsultat. Kif rajna bil-kwistjoni tal-yacht marina ġo Wied il-Għajn, il-pubbliku huwa mxebba’ bit-teħid tal-art u l-isfruttar tal-ambjent, tal-postijiet pubbliċi u issa, tal-kosta u l-baħar ukoll."

l-għaqda saħqet li Farrugia ma jgħidx "kif it-tkabbir tal-industrija tas-superyachts hija kompatibbli mal-“green transition” - għax fil-fatt ma jmorrux flimkien". Apparti dan, il-magna ta' jot tarmi dijossidu tal-karbonju u gassijiet tossiċi. 

"Moviment Graffitti jinsisti illi kwalunkwe deċiżjoni li ser taffettwa bil-kbir l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tagħna trid issir biss fl-interess tal-poplu. Il-poplu la jeħtieġ u lanqas jixtieq jott marini għas-sinjuri u reklamazzjoni tal-ftit art li fadal għall-iżviluppaturi."

 

More in Socjali