Imnedija t-tielet strateġija nazzjonali dwar il-vjolenza domestika

Tnediet it-tielet strateġija nazzjonali dwar il-vjolenza domestika; se jibda jopera hub f'Santa Luċija immirat li jassisti vittmi ta' vjolenza domestika; kif ukoll se jkun introdotti s-servizzi ta’ monitoraġġ elettroniku u panic alarms

Tnediet it-tielet strateġija nazzjonali dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika bi pjan ta’ ħames snin li jinkludi sensiela ta’ azzjoni u miżuri li ser ikunu qegħdin jitwettqu minn diversi entitajiet pubbliċi biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika.

Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika permezz tal-Kummissarju Samantha Pace Gasan spjegat li din l-istrateġija tfasslet b’konsultazzjoni mal-istakeholders u hija imsejsa fuq il-Konvenzjoni ta’ Istanbul għall-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika u tkompli tibni fuq iż-żewġ strateġiji li saru qabel.

Uħud mill-miżuri bdew jitwettqu bħala parti mill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia waqt li l-istrateġija tipprovdi pjan ta’ azzjoni biex sal-2028 jitwettqu sensiela ta’ inizjattivi oħra li jsaħħu l-protezzjoni tal-vittmi kemm mill-aspett soċjali kif ukoll mill-aspett ġudizzjarju.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal li matul is-sena 2024 ser ikunu introdotti s-servizzi ta’ monitoraġġ elettroniku u panic alarms. Huwa sostna li ser jibda jopera l-ewwel hub li jilqa’ vittmi ta’ vjolenza domestika f’Santa Luċija. Dan iċ-ċentru ser ikun immirat li jassisti vittmi kemm mill-uffiċjali tal-GBDVU, kif ukoll diversi professjonisti oħra, fejn l-allegat aggressur jibqa’ jkun interrogat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana.

Camilleri temm jgħid li “għandu jibqa’ jkun hemm din ir-rieda, minn kulħadd, sabiex nagħmlu aktar u nħarxu l-ġlieda tagħna kontra din il-pjaga tas-soċjetà tagħna.”

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li l-prijorità ewlenija ta’ din l-istrateġija hija t-tisħiħ tas-servizzi varji li joffru għajnuna professjonali lill-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.

Hija qalet li ser jiġu aġġornati l-liġijiet f’dan il-qasam u se ikun hemm ir-riżorsi umani f’dan is-settur ħalli dawn il-każijiet jiġu trattati malajr kemm jista’ jkun flimkien mal-għodda teknoloġiċi għas-sigurtà u l-protezzjoni għall-vittmi tal-vjolenza domestika.

Buttigieg qalet li l-viżjoni ta’ din l-istrateġija toħroġ mill-fatt li qiegħda taħseb biex issaħħaħ l-edukazzjoni għall-istudenti u għal programmi ta’ taħriġ għall-ġudikatura u għall-uffiċjali pubbliċi li jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ każijiet ta’ vjolenza domestika.

Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, li hi parti mis-16-il jum ta’ attiviżmu dwar il-kuxjenza fuq il-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru, għarfet kif l-istrateġija nazzjonali trid tagħmel lil Malta mudell li japplika l-Konvenzjoni ta’ Istanbul.

Abela sostniet li rridu mmiddu għonqna u jridu jiġu indirizzati r-realtajiet marbuta mal-vjolenza domestika.

“Il-bidliet ma għandhomx ibeżżgħuna biex inkunu passivi”, saħqet Dr Abela hi wkoll tagħmel kuraġġ lill-vittmi ta’ vjolenza domestika biex flimkien mal-għeżież tagħhom u l-professjonisti, jibdew kapitlu ġdid u jegħlbu s-silenzju.

More in Socjali