Waqt konferenza stampa quddiem id-Depot tal-Pulizija fil-Furjana, iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci qalet li ADPD tistenna li l-Pulizija tieħu passi kriminali fil-konfront ta’ dawk li kkonfoffaw biex jiffrodaw il-taxxa ta’ Malta billi ħolqu l-impjieg fantażma ta’ Rosianne Cutajar bħala konsulenta tal-Kap Eżekuttiv tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS).
Gauci sostniet li “provi hemm kemm trid! Kollox iswed fuq abjad! X qed iżommu? Nippretendu li Angelo Gafà jieħu passi minnufih.”
“Dmirek Sur Kummissarju hu li kull membru tal-Korp jagħmel dmiru, inkluż inti. Għandek ukoll tassigura ruħek li ħadd ma jfixkel il-ħidma tal-korp li jaħdem bla biża’ jew favuri” qalet Gauci.
“Tmien xhur ilu tlabna lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-kuntratt ta’ impjieg li s-CEO tal-ITS ikkonkluda mal-Onor. Rosianne Cutajar għax minn eżami tad-doveri li kien mistenni li twettaq kien ċar li ma kelliex il-kompetenzi meħtieġa”, qal Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson ta’ ADPD.
“Għaldaqstant, dakinnhar ikkonkludejna li possibilment dan kien każ ta’ ħolqien ta’ impjieġ fantażma intenzjonat biss biex jinxtorbu fondi pubbliċi b’qerq” saħaq Cacopardo.
L-ADPD sostniet li r-rapport tal-Awditur Ġenerali mhux biss ikkonferma din il-konklużjoni imma fuq kollox, riżultat ta’ investigazzjoni metikoluża ikkonkluda li nkisru ir-regoli kollha dwar l-ingaġġ fis-settur pubbliku.
L-ADPD saħqet li minkejja ġew stabbiliti regoli ġodda, lanqas biss jafu x’inhi governanza tajba. Cacopardo saħaq li dan seta’ jiġi evitat kieku dawk li xogħolhom hu li jassiguraw governanza tajba fis-settur pubbliku għamlu xogħolhom.
Cacopardo kompla jgħid li filwaqt li “ma għamlet xejn tul il-perjodu li għamlet konsulenta, ħlief ġabret il-paga!” dan huwa abbuż sfaċċat li hu issa dokumentat u dwaru jeħtieġ li jittieħdu passi mill-awtoritajiet.
“Il-ħolqien ta’ impjiegi fantażma fis-settur pubbliku hu misappropriazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Għalhekk qed ninsistu li l-pass li jmiss wara r-rapport tal-awditur huma passi kriminali kontra min kellu sehem f’dan il-frodi” qal Cacopardo.
Gauci qalet li dan mhux l-ewwel darba li nħoloq impjieg fantażma hekk kif bħalissa għaddej il-każ tal-impjieg fantażma ta’ Melvin Theuma, dak li għamilha ta’ sensar fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.