Ir-rata ta’ qgħad żdiedet fost iż-żgħażagħ

Statistika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri kif ir-rata ta’ qgħad fost dawk ta’ bejn l-25 u l-74 sena naqset minn Settembru l’ hawn, filwaqt li r-rata fost iż-żgħażagħ żdiedet b’ 0.2 punt perċentwali f’Ottubru 2023

Skont statitika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), ir-rata tal-qgħad f’Ottubru 2023 kienet taʼ 2.5%, l-istess meta mqabbla max-xahar taʼ qabel, iżda bi tnaqqis taʼ 0.3 punti perċentwali fuq l-istess xahar taʼ sena qabel.

Ir-rata tal-qgħad għall-persuni taʼ bejn il-15 u l-24 sena (ir-rata tal-qgħad taż-żgħażagħ) żdiedet minn 6.8% għal 7.0%.

Ir-rata għal persuni li kellhom bejn il-25 u l-74 sena kienet taʼ 2.0% u bʼhekk naqset bʼ0.1 punti perċentwali minn Settembru 2023 sa Ottubru tal-istess sena. 

FʼOttubru 2023, l-għadd taʼ nies qiegħda kien taʼ 7,613, bʼdawk il-persuni taʼ bejn il-25 u l-74 sena bl-akbar sehem mil-livell kollu tal-qgħad.

L-għadd taʼ żgħażagħ qiegħda, aġġustat għall-effetti tal-istaġun, ammonta għall-2,007, mentri l-għadd taʼ nies qiegħda li kellhom bejn il-25 u l-74 sena ammontaw għal 5,606.

FʼOttubru 2023, ir-rata tal-qgħad għall-irġiel kienet taʼ 2.4% u bʼhekk naqset bʼ0.1 punti perċentwali meta mqabbla max-xahar taʼ qabel.

Sadanittant, ir-rata għan-nisa kienet taʼ 2.6%, u bʼhekk baqgħet fl-istess livell meta mqabbla maʼ Settembru 2023.

More in Socjali