Aktar kmieni l-Erbgħa, uffiċjali tad-Direttorat tal-Konformità u l-Infurzar tal-Awtorità tal-Ippjanar, assistiti minn membri tal-Korp tal-Pulizija u uffiċjali tal-WasterServ, reġgħu bdew azzjoni diretta fuq scrapyard illegali kbira li tinsab fix-Xewkija, barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ).
Dan isegwi l-azzjoni diretta li kienet bdiet l-Awtorità f’Novembru 2022, iżda li kienet twaqqfet permezz ta’ proċeduri fill-Qorti ta’ mandat ta’ inibizzjoni li nfetħu kontra l-Awtorità tal-Ippjanar minn min qiegħed iwettaq illegalità.
Sakemm l-azzjoni tas-sena l-oħra twaqqfet mill-Qorti, l-Awtorità kienet diġà neħħiet ammont ta’skrapp li kien jinkludi karozzi mitluqa, trakkijiet, tajers, white goods, u tagħmir elettroniku.
Wara li rtira l-mandat ta’ inibizzjoni, il-persuna li wettqet l-illegalità impenjat ruħha sabiex tneħħi l-illegalitajiet li kien fadal sabiex l-art affettwata tiġi rritornata għall-istat oriġinali tagħha. Madankollu, minkejja li inizjalment dan l-impenn kien qiegħed jiġi onorat, il-progress ta’ rimedju naqas tul ix-xhur u b’riżultat ta’ dan, l-Erbgħa filgħodu l-Awtorità reġgħet daħlet biex tnaddaf il-materjal li kien fadal u treġġa’ lura l-art għall-istat oriġinali tagħha.
Trakkijiet b’materjal ta’ skrapp qegħdin jinġarru f’faċilitajiet liċenzjati għall-immaniġġjar tal-iskart. Minħabba l-firxa tas-sit, li hija aktar minn 15,000m², l-operazzjoni mistennija tkompli fil-jiem li ġejjin.
L-azzjoni diretta qiegħda titwettaq mill-Awtorità tal-Ippjanar bi spejjeż kollha ta’ min kiser il-liġi.