Il-Kunsill Lokali tal-Imsida qed joġġezzjona żvilupp propost ta’ kważi 19,000 metru kwadru, fis-Swatar bejn Valley Road, wara l-ħanut ta’ Charles Grech, u fuq Triq Indri Grima.
Din iż-żona kienet ġiet inkluża fl-estensjoni tal-2006, dan minkejja tħassib dwar riskju ta’ għargħar f’din iż-żona.
Il-Kunsill Lokali tal-Imsida saħaq li din iż-żona hija waħda mill-ftit spazji ħodor li għad fadal f’din iż-żona, dan minbarra l-fatt li Ambjent Malta identifika żona viċin għall-afforestazzjoni.
"Minflok aktar żvilupp residenzjali, jagħmel aktar sens li jitfassal pjan biex isostni l-ambjent permezz ta' aktar siġar u r-restawr ta' ħitan tas-sejjieħ, b'mod li ż-żona tiġi kkonservata għall-ġenerazzjonijiet futuri" sostna l-kunsill.
L-aħħar pjanijiet ġew ippreżentati madwar xahar ilu u jipprevedu żvilupp residenzjali maqsum fi 13-il blokka differenti ta’ ħames sulari fuq footprint ta’ 7,129 metru kwadru; 2,252 metru kwadru oħra se jikkonsistu f’bankini interni u toroq. Il-pjanijiet jinkludu ukoll spazju miftuħ pubbliku ta’ 5,122sq.m u spazju miftuħ privat ta’ 4,265 metru kwadru, li flimkien jokkupaw 50% tas-sit.
Biex jindirizzaw it-tħassib dwar l-għargħar, l-iżviluppaturi pproponew ġibjuni taħt kull blokka residenzjali b’kapaċità ta’ ħażna ta’ 7,400 metru kubu biex jintużaw jew bħala ilma tat-tieni klassi jew biex jissaqqu l- spazji ħodor.
Skont l-iżviluppatur iż-żona tal-pajsaġġ se jkollha minimu ta’ 20 ċm ta’ ħamrija li tassorbi x-xita. L-overflow minn ġibjuni se jkun dirett lejn Triq il-Wied permezz ta’ tubi.