Ktieb minn awtur Malti għat-tfal biex jgħinhom itaffu t-trawma
Il-messaġġ ta’ dan il-ktieb huwa biex iġiegħel lit-tfal jindunaw li mhumiex waħedhom, hemm min iridilhom il-ġid u li ħaqqhom l-għajnuna daqs ħaddieħor. “Wieħed iħossu totalment mitluf wara li jkollu jħalli kollox warajh u jara fejn se jmur, bl-għan li jsib dar xi mkien”
minn Elaine Camilleri
Karl Schembri, huwa awtur Malti li kiteb ktieb immirat apposta lejn tfal li kienu vittmi ta’ kunflitti, u lejn dawk li raw u esperjenzaw xeni xejn sbieħ. Huwa ħadem mar-Refugee Norwegian Council (RNC) sabiex jinkiteb ktieb li fil-qalba tiegħu hemm it-tfal. Il-ktieb idur ma’ storja ta’ ispirazzjoni u ta’ qlubija bl-għan li tippromovi l-fehim u t-tama għal tfal spostati jew li kellhom iħallu kollox warajhom, u kaġun ta’ dan ġarrbu trawma u stress. Barra minn hekk, il-ktieb għandu l-għan li jservi wkoll bħala għodda siewja għall-edukaturi biex jinvolvu lil tfal f’diskussjonijiet importanti dwar empatija, reżiljenza u s-saħħa mentali.
Bħala Eks Edtur tal-MaltaToday u anke ħaddiem umanitarju, ix-xogħol ta’ Schembri kien parti essenzjali mill-ispirazzjoni li tqanqlet fih biex jikteb il-ktieb “The Journey of Miskit, the Brave Stoat”. Schembri kien ħadem biswit diversi organizzazzjonijiet fosthom is-Save the Children, u iktar riċenti ngħaqad mar-Refugee Norwegian Council (RNC).
Xogħlu minn dejjem esponieh għal stejjer u esperjenzi li jgħaddu minnhom nies u tfal li ħarbu minn sitwazzjonijiet diffiċilissimi u ta’ kunflitt bħal Iraq, is-Sirja, is-Sudan u aktar. Għal Schembri kien ta’ privileġġ kbir li ltaqa’ ma’ dawn il-persuni fejn jirrakkontawlu minn xiex huma għaddejjin u jafdawh bl-istejjer tagħhom.
Karl kompla jispjega li dawn l-aħħar sentejn ħadem ma’ RNC fejn permezz ta’ programmi psikosoċjali jgħinu tfal joħorġu minn dik it-trawma li ġarrbu. Huwa qal li sfortunatament hemm miljuni ta’ nies li jesperjenzaw l-istess ħaġa iżda hemm mod kif wieħed jista’ joħroġ minnha, u din l-istorja maqbuda fi ktieb tispira lil dawn it-tfal u toffrilhom sieħeb f’forma ta’ karattru.
Karl kiteb dan il-ktieb, bl-għan li jolqot lil kulħadd madwar id-dinja, “storja li titkellem mal-bqija tat-tfal tad-dinja, li mhux bilfors ikunu għaddew minn dan.”
Il-ktieb huwa mibni fuq stejjer li sema’ primarjament minn tfal fil-Lvant Nofsani, fejn ħadem hemm għal xi 12-il sena. Issa jinsab il-Kenya, fejn ta’ kuljum jiltaqa’ ma’ nies li kellhom jaħarbu minħabba kunflitt.
L-ispirazzjoni prinċipali li ssawwar il-ktieb tal-awtur huma l-istejjer ta’ dawn in-nies differenti, u għalkemm huma differenti, xorta jgħaqqduhom flimkien – stejjer ta’ biża’, ta’ mistħija, ta’ biki, ta’ telfien. Wieħed iħossu totalment mitluf wara li jkollu jħalli kollox warajh u jara fejn se jmur, bit-tama li jsib dar xi mkien.
Il-messaġġ ta’ dan il-ktieb huwa biex iġiegħel lit-tfal jindunaw li mhumiex waħedhom, hemm min iridilhom il-ġid u li ħaqqhom l-għajnuna daqs ħaddieħor. “Wieħed iħossu totalment mitluf wara li jkollu jħalli kollox warajh u jara fejn se jmur, bl-għan li jsib dar xi mkien.”
Miskit, il-karattru ewlieni tal-ktieb huwa ermellina, annimal żgħir mill-ġens tal-ballottra li ma tantx hu popolari f’Malta. Miskit intgħażel bħala l-karattru ta’ dan il-ktieb wara konsultazzjoni ma’ tfal refuġjati li kienu qed jgħixu fil-Ġordan.
Ermellina hija annimal nordiku u interessanti għax minkejja li ċ-ċokon tiegħu, huwa reżiljenti immens, ħelu, b’saħħtu u kapaċi jissopravivi f’diversi ambjenti. “Ermellina hija parti oħra mill-ispirazzjoni, li tara t-tfal jagħżlu karattru li jakkumpanjahom.”
Fil-fatt, il-ktieb jillustra l-vjaġġ ta’ Ermellina u jgħallimna kif għandna nħarsu lejn il-ħajja. Jgħallimna kif għandna nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna, u jgħallimna wkoll kif għandna nuru empatija u nkunu reżiljenti.
Bħal Ermellina, aħna rridu nibdew nagħrfu nkunu qalbiena għaliex il-ħajja taf twaddbilna xi ostakli jew tnejn li jfixkluna. Ermellina kienet kuraġġuża u laqgħet kull sfida b’idejha miftuħin u b’determinazzjoni liema bħalha. Ermellina bdiet vjaġġ waħedha, ma tafx fejn hi sejra u fejn għad tispiċċa, iżda dan għamlitu għax emmnet fiha nnifisha.
Fil-ktieb, Ermellina tagħmel ħbieb ġodda ma’ Volpi, bebbuxu u xi bnedmin mitlufa u tibda tivvjaġġa għal skopertà personali. Hija turija ta’ qlubija u tgħallimna nsibu s-sena fl-isfidi li niltaqgħu magħhom u l-biżgħat tal-ħajja.
Karl kiteb il-ktieb immirat speċifikament għat-tfal biex jgħinhom itaffu t-trawma u l-istress li ġarrbu minn esperjenzi ta’ diqa u l-atroċitajiet li raw b’għajnejhom stess.
Karl qalilna li Ermellina tispira lit-tfal biex ikunu aktar reżiljenti. Jekk jitfixklu u jaqgħu, jerġgħu jqumu sodi fuq saqajhom u jkomplu mexjin ’il quddiem. Dan huwa ċ-ċiklu tal-ħajja, xejn mhu ward u żahar imma wieħed irid ikun kuraġġuż.
Karl qalilna li wħud mit-temi li jittratta dan il-ktieb huma t-tema tat-telf, it-tema tal-ħarba, it-tema tal-ħbiberija, tas-suspetti, tal-biża’ u fl-aħħar mill-aħħar it-tema tat-tama.
Anke jekk għandek inċertezza għall-futur, dan il-ktieb joffri modi kif jistgħu jgħinu lit-tfal jegħlbu l-inċertezza tal-futur. Fih hemm attivitajiet ta’ tpinġija u anke tintuża l-meditazzjoni biex jgħinuhom joħorġu minn dan id-dlam. “Hemm tama li l-affarijiet jaqilbu għall-aħjar, post iktar sigur, hemm modi biex tibqa’ san.”
Hemm tliet verżjonijiet; bl-Ingliż, bl-Ispanjol u bin-Norveġiż. Kollha jistgħu jinxtraw minn fuq Amazon. Barra minn hekk, l-RNC qed tagħmel traduzzjoni għal lingwi oħra biex jintużaw ma’ iktar tfal. Karl qalilna li preżenti hemm il-verżjoni Għarbija li qed tintuża bħalissa ma’ tfal mis-Sirja u s-Sudan, bit-tama li iktar ’il quddiem tintuża mat-tfal mill-Palestina.
L-għan tal-verżjoni Spanjola hu li l-ktieb jintuża fl-Amerika t’Isfel fejn il-migrazzjoni u r-refuġjati dejjem għaddejjin. Apparti dan, bħalissa qed jaħdmu fuq verżjoni Franċiża bl-iskop li l-ktieb jasal anke sal-Afrika tal-Punent.
L-RNC tinsab fuq missjoni sabiex dan il-ktieb jaqdi lit-tfal madwar id-dinja, b’enfasi fuq dawk it-tfal li huma vittmi ta’ gwerra u kunflitti.
Huwa ġest nobbli li wieħed jixtri dan il-ktieb għaliex kull profitt li jinqala’ mill-bejgħ tiegħu jmur direttament għal dan il-programm għat-tfal, u jiffaċilita l-ipprintjar ta’ aktar kotba.
Hemm ukoll ktieb-gwida għall-għalliema biex jgħinhom jintroduċu dawn it-temi ta’ dipressjoni, ta’ telf f’ambitu edukattiv. Hemm ukoll ktieb ta’ attivitajiet, bħal tpinġija, diskussjonijiet u mistoqsijiet sabiex jintegra lit-tfal għaliex wara kollox huwa intiż għalihom speċifikament.
Fl-aħħar nett, Karl esprima x-xewqa tiegħu li jkun hemm interess li dan il-ktieb jinqaleb għall-Malti u li jkollu ċans jaħdem ma’ studenti Maltin u sħabhom li ġew minn barra li huma parti mis-soċjetà Maltija. “Nittama li għad jintuża b’xi mod pedagoġiku u jasal dan il-messaġġ qalb it-tfal refuġjati u emigranti f’Malta.”