Gwerra fuq il-prezzijiet tal-ikel bejn il-PL u l-PN
Alex Agius Saliba u Peter Agius fi gwerra bejniethom fuq min hu responsabbli mill-prezzijiet tal-ikel f’Malta
More in Socjali
Alex Agius Saliba u Peter Agius fi gwerra bejniethom fuq min hu responsabbli mill-prezzijiet tal-ikel f’Malta
Karba fuq il-kontroll tal-prezzijiet ta’ prodotti minn kumpaniji dominanti Maltin spiċċat f’argument bejn il-membru Parlamentari Laburista Alex Agius Saliba u l-kandidat Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew Peter Agius f’min għandu jintervjeni hux il-Gvern Malti jew il-Kummissjoni Ewropea.
Meta ġie mistoqsi għalfejn ħass il-bżonn li jqajjem din il-kwisjoni, Agius Saliba qal: “Ma jistax ikun illi f’pajjiżna naċċettaw il-kunċett tas-suq isuq. Huwa għalhekk illi tlabt lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinvestiga t-tħaddim tas-suq uniku Ewropew f’Malta.
“Spiċċajna f’sitwazzjoni ta’ ftit importaturi u distributuri jiddominaw is-suq b’riperkussjonijiet negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-opportunità sabiex importaturi żgħar jikkompettu bi prezzijiet orħos għall-konsumaturi tagħna.
“Theddid mill-importaturi l-kbar lill-ħwienet iż-żgħar illi fost oħrajn ma jfornux lil dawn il-ħwienet bil-profitti tagħhom kemm-il darba ma jixtrux kollox mingħandhom hija inaċċettabli.
“Il-Kummissjoni Ewropea bħala gwardjan tat-Trattat Ewropew u b’kompetenza esklussiva fil-kompetizzjoni trid tieħu azzjoni sabiex tara li l-benefiċċji tas-suq Ewropew jaħdmu f’Malta bl-istess mod li jaħdmu fi stati membri akbar minnha.”
“Ma nistax nifhem għaliex Peter Agius u l-Partit Nazzjonalista għaddejjin bi kruċjata biex jiddefendu lil ftit imposturi kbar a skapitu tal-konsumaturi u l-ħwienet iż-żgħar.”
Min-naħa tiegħu Peter Agius meta tkellem mal-gazzetta Illum: “Naħseb l-MEPs għandhom ikunu hemm biex jiddefendu l-poplu u mhux biex jgħattu xtur il-Gvern. “Meta sseħibna fl-UE, għaddejna għadd ta’ oqsma lill-UE biex tiddeċiedi filwaqt li żammejna numru ta’ oħrajn għalina. Għal ħafna mid-deċiżjonijiet tal-UE, il-Gvern Malti jżomm ukoll is-setgħa li jimplimenta u jinforza b’mod effettiv id-drittijiet Ewropej. Jew b’inkompetenza jew intenzjonijiet ħżiena, il-politiċi kultant iħawdu lill-elettorat billi jgerfxu d-distinzjoni bejn fejn għandha taġixxi l-UE u fejn għandu jaġixxi l-Gvern Malti. Il-pubbliku m’għandux jiġi żgwidat. Għandna nikxfu dawn it-tentattivi permezz ta’ informazzjoni aktar ċara.”
Id-Deputat Parlamentari Laburista Alex Agius Saliba stqarr li hija ħasra li l-ittra li bagħat Peter Agius lill-Kummissjoni Ewropea fejn prova jiġġustifika l-profitering billi jsaqsi mistoqsijiet dwar kollużjoni bejn kumpaniji, xi ħaġa li totalment m’għandhiex x’taqsam mat-talbiet illi għamilt jien lill-Kummissjoni Ewropea u kienet intiża biss biex twaqqa’ l-każ illi bdejt mal-istituzzjonijiet Ewropej.”
Agius baqa’ jinsisti: “Nemmen li Alex Agius Saliba żgwida lill-pubbliku meta kiteb lill-President tal-Kummissjoni Ewropea von der Leyen biex tinvestiga l-importaturi Maltin għal allegati abbużi tal-prezzijiet a skapitu tal-konsumaturi. Responsabbiltà bħal din taqa’ b’mod ċar ħafna fuq l-awtoritajiet nazzjonali. Hija l-Ministru Julia Farrugia Portelli li għandha tieħu azzjoni permezz tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni f’każ li jkun hemm każi ta’ abbuż tal-prezzijiet li jolqtu lill-konsumatur.
Agius argumenta: “Dan intqal ċar ħafna permezz tat-tweġiba tal-Kummissjoni Ewropea għall-ittra tiegħi fejn il-Kummissjoni ċanfret diplomatikament lil Alex Agius Saliba billi tgħid li “normalment hija l-Awtorità Nazzjonali tal-Kompetizzjoni ta’ dak l-Istat Membru li titqies f’pożizzjoni tajba biex tittratta każijiet bħal dawn.”
“Ejja nieqfu ninqdew bl-Ewropa bħala skuża komda għall-inkompetenza jew in-nuqqas ta’ rieda politika tal-Gvern. Irridu nistinkaw ukoll biex naddattaw l-Ewropa għall-ħtiġijiet tagħna bħala poplu – minn governanza aħjar għall-użu aħjar tal-opportunitajiet tas-suq kbir Ewropew.”
Agius ikkonkluda billi tefa’ botta favur l-għażla elettorali: “Neħtieġu nies kompetenti u mħejjija tajjeb biex jirrappreżentaw lill-poplu Malti fi Brussell. Is-setturi tas-soċjetà Maltija għandhom bżonnijiet u potenzjal li huma uniċi għalina. Huwa għalhekk li rridu nkunu attenti sew biex naraw li nkunu rappreżentati tajjeb ħafna f’UE li l-politika tagħha dejjem testendi f’oqsma ġodda.”