'Qegħdin nipperikolaw u nkissru s-supremezija tal-kostituzzjoni' - Tonio Borg

Elaine Camilleri tkellmet mal-Tonio Borg, fejn qasam l-esperjenza tiegħu ta’ meta kien fil-kariga ta’ Ministru u Kummissarju tal-Ġustizzja. Tana spunt tal-vjaġġ politiku li beda meta kellu 17-il sena, u qasam magħna x’kienu l-iktar kisbiet importanti li laħaq tul il-ħatra leġiżlattiva tiegħu. 

Ta’ avukat żgħir kont attiv fil-politika u fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Kif bdejt f’dan il-qasam? 

Ta’ 17-il sena kont membru eżekuttiv u anke Segretarju tal-Għaqda Studenti Demokristjani, imwaqqfa minn Ray Bondin u li għadha hemm sal-lum. Niftakar, meta dħalt l-università missieri kien qalli biex ma nurix x’inhi l-opinjoni politika tiegħi, u jien għamilt eżatt il-kuntrarju ta’ dak li qalli. Malli dħalt l-università bdejt inkun attiv fl-SDM; għamilna kampanja favur il-grants li mbagħad wara fl-1987 bdew jingħataw l-istipendju taħt il-Gvern Nazzjonalista. 

Meta familti mxiet lejn Ħal Balzan, hemmhekk ingħaqadt mal-Kumitat taż-Żgħażagħ ta’ Ħal Balzan tal-Partit Nazzjonalista u, tista’ tgħid, li minn hemm bdejt nifforma l-karriera politika tiegħi.  

Fl-1978, meta kien għad kelli biss 21 sena, kien sejjaħli Fenech Adami. Kien talabni biex flimkien ma’ Francis Zammit Dimech immorru għall-konferenza stampa nistaqsu d-domandi. Aħna kellna nistaqsu mistoqsijiet illi jniggżu u fl-istess ħin ridna ninterrrompu lill-Prim Ministru wkoll. Minn hemm nibtet ħbiberija bejni u bejn Zammit Dimech li għadha sal-lum, u anke ma’ Ċensu Galea. It-tlieta li aħna konna ħriġna flimkien għall-elezzjoni fl-1981, u naturalment ħadd minna ma’ kien tela’ imma minn dejjem kont immers fil-partit.  

Li toħroġ għall-poliitka huwa piż kbir fuq il-familja u nappella lil dawk li jekk se jidħlu fil-politika bis-serjetà iqisu li jkollhom l-appoġġ tal-familjari tagħhom għax mingħajru, il-ħajja ssir diffiċli ħafna – irid li jkun hemm kunsens. Ma rridx naqta’ qalb dawk li ħarġu u ma telgħux, għax jien mat-tielet darba tlajt. Meta tlajt iktar apprezzajt is-siġġu parlamentari u x-xogħol li għamilt milli xi ħadd jistenna li taqagħlu l-bajtra f’ħalqu. 

Kont anke ffurmajt parti mill-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista u wara kont sirt president ta’ dan il-moviment u fl-1988 dħalt fl-eżekuttiv tal-partit. Jien ma jiddispjaċinix li dħalt fil-politika għax iltqajt ma’ bosta. Kont inżur ħafna d-djar; ta’ kull nhar ta’ Sibt kont indur is-Siġġiewi. U b’hekk tlajt l-ewwel darba għax in-nies rat li speċi ‘mhuwiex kiesaħ’. Imbagħad wara bdejt nitla’ bi żniedi. Meta Birkirkara kienet ingħaqdet ma’ Ħal Lija u Ħal Balzan; bdejt indur Birkirkara bieb bieb. Dik tatni esperjenza kbira.  

 

Il-politika fit-tmeninijiet kienet jew ma kinitx differenti minn tal-lum? 

Kienet differenti ħafna. L-ewwel ħaġa ma kinitx professjonali daqskemm hi llum. It-tieni kellek l-element tal-vjolenza li llum m’għandniex.  

Illum għandna affarijiet ħżiena oħra, iżda vjolenza fiżika m’hemmx – għalkemm kellna l-qtil ta’ ġurnalista. Forsi vera li ma kellniex inċidenti ta’ tkissir tal-każini u ħruq imma issa kellna l-qtil ta’ omm, ta’ mara miżżewġa, ta’ ġurnalista – xi ħaġa li qatt ma kellna f’pajjiżna.  

Il-politika tal-lum hija aħjar mis-sens ta’ differenza, imma min-naħa l-oħra kellna incident verament ikrah li għadu lanqas hu solvut kompletament. U anke l-inkjesta li saret għadha ma ġitx implimentata. 

Fit-tmeninijiet kien hemm ukoll iktar lealtà lejn il-partiti, li għadha hekk sal-lum, imma dakinhar kienet iktar għolja. 

Meta dħalt fil-partit, Eddie Fenech Adami kien bħala kap. Ma ninsewx li għamel 10 snin bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Meta laħaq avukat, jien kien għad kelli biss sena. Dr Lawrence Gonzi niftakru l-università. Hu kien fl-aħħar sena tiegħu u jien kont għadni nibda bl-ewwel sena. Jiġifieri jien kont inħares lejhom, u għalija dawn kienu l-idoli tiegħi.  

Fenech Adami kien kwiet imma kien strateġista kbir. L-isbaħ eżempju tal-istrateġija elettorali tiegħu kienet il-kwistjoni tar-referendum tal-Ewropa, wara li xi 53% kienu vvutaw favur u Dr Alfred Sant ma aċċettax ir-riżultat tar-referendum, kienet saret elezzjoni. Ovvjament dawk il-Laburisti li riedu nibqgħu fl-Ewropa, ma ridux li jitla’ l-Gvern Laburista u jħassrilhom ir-riżultat, allura għall-ewwel u l-aħħar darba vvutaw lin-Nazzjonalisti. Dan juri li Fenech Adami kellu strateġija elettorali pura u li fiha ma kien jgħaddih ħadd.  

Mintoff  kellu personalità oħra. Kien oratur kbir, speċjalment b’dak l-użu tal-pawża waqt id-diskors. Kien jaf idaħħaq ukoll. Għalkemm jien twelidt fil-partit ta’ kontrih, bħalma qal Fenech Adami, ma tistax tgħid li Mintoff m’għamilx affarijiet tajbin – kif nisperaw li jgħidu l-Laburisti fuq Fenech Adami wkoll.  

 

Inti kont attiv fil-Partit Nazzjonalista – taħseb li l-PN illum qiegħed fi kriżi? 

L-ewwel santa ħaġa hi li l-Partit Nazzjonalista (PN) għamel 25 sena fil-Gvern u kellu jiġi mument li jmur fl-oppożizzjoni. Għadda minn ftit turbolenzi minħabba bdil fil-kap, imma naħseb li issa qed isib saqajh mal-art.  

Li huwa żgur hu li għandu sfidi kbar, fis-sens ta’ xandir. Ix-xandir illum spiċċa, m’għadx ikun hemm diskussjonijiet politiċi.  

Punt ieħor, jekk naraw l-aħħar baġit, nisma’ biss “baġit ġust”. Dan huwa kollu mill-flus il-poplu. Il-PN irid jagħmel maratoni biex iwassal il-messaġġ tiegħu u l-PL juża l-flus ta’ min iħallas it-taxxa biex jagħmel il-propoganda. Din hija propoganda pura, u trid u ma tridx din taffettwa lin-nies ukoll, jiġi ħasil il-moħħ. Jien naħseb li l-partit irid ikun iktar iebes li jiġġieled dawn l-affarijiet.  

Qabel, bħala l-Aġent President kien hemm Doleres Cristina. Din għaliex tneħħiet?  

Ma rridx nikkritika lil min tela’, imma l-Gvern neħħieha biex anke l-Aġent President ma jkunx Nazzjonalist. Meta l-Prim Ministru rebaħ l-elezzjoni qal li jestendi jdejh ta’ ħbiberija, u l-unika ħaġa li kellu l-PN meta jsiefer George Vella kien l-Aġent President, Dolores Christina, li neħħieha wkoll.  

Barra minn hekk, l-awtoritajiet fil-Kostituzzjoni, jiġifieri d-distretti, huma kontra l-PN. Għaliex huma kontra l-PN? Xi prova għandi? Kull darba li ssir elezzjoni jiżdiedu siġġijiet lill-PN għax ir-riżultat huwa inġust għall-PN peress li d-distretti huma kontra l-PN.  

L-agħar issa meta jitla’ t-tielet partit fil-Parlament. Jien kont ipproponejt tradizzjoni li kien bdieha Fenech Adami. Din kienet li nofs il-membri tal-Kummissjoni jinħatru mill-Prim Ministru u jkunu dawk li għandu fiduċja fihom hu, u n-nofs l-ieħor jinħatru wkoll mill-Prim Ministru iżda jkunu nies li għandu fiduċja fihom il-Kap tal-Oppożizzjoni. 

 

X’taħseb li huma r-raġunijiet għaliex il-PN mhux qed jattira appoġġ mill-elettorat? 

L-appoġġ żdied, forsi mhux biżżejjed imma nżommu f’moħħna li l-polls ivarjaw ukoll. 

Trid iżżomm f’moħħok li l-PN dam ħafna fil-Gvern, iżda rridu nżommu f’moħħna li huma n-nies li jiddeċiedu meta jitla’ jew jinżel partit.  

Jien nemmen li bid-diffikultajiet kollha li qed ipoġġi quddiemu dan il-Gvern, il-PN qed jagħmel li jista’. Però, żgurissimu, f’isem id-demokrazija, jien naħseb li hemm bżonn ta’ bidla. Jekk jagħmel il-full-term, dan il-partit se jkun għamel 15-il sena. Imma issa wasal żmien ta’ bidla. Mhux għax għadda ż-żmien biss imma anke minħabba l-iskandli li qed jinkixfu.  

L-iktar ħaġa li ddejjaqni mhux li qed jinkixfu l-iskandli, imma l-fatt li dan il-Gvern jgħid li ma hemm xejn ħażin.  

 

Inti persuna li tħaddan twemmin imsawwar fl-isfond ta’ kultura Nisranija. Taħseb li din il-politika għada relevanti? 

Dawk huma l-għeruq tagħna. Jien kont favur ħafna li fil-Kostituzzjoni tal-Ewropa tidħol bħala fatt storiku li l-għeruq tal-Ewropa huma Nsara.  

Saru diversi liġijiet f’Malta taħt iż-żewġ gvernijiet, minn dan il-gvern iktar, li huma kontra l-prinċipji kattoliċi. Ma jfissirx li għax ir-reliġjon tagħna hija Kattolika allura l-liġijiet iridu jkunu skont il-fidi Kattolika. Imma bħala stat ta’ fatt, l-għeruq huma dawk, kif tista’ tiċħadha? Nemmen li l-prinċipji Nsara jistgħu jiggwidawk fil-politika. Wara kollox, il-poliitka hija missjoni. Il-Konċilju tal-Vatikan it-Tieni jgħid li hija professjoni diffiċli imma nobbli. Irid ikollok boxxla, u jien nattwa ħafna l-prinċipji Nsara fil-politika.  

Apparti dan, jien attiv ħafna fl-Assoċjazzjoni tal-Life Network u fil-One of Us – għaqda internazzjonali tal-pro-life; u nħobb naħdem f’dak il-qasam.  

 

 

 

Il-materjaliżmu huwa frott is-suċċess ta’ soċjeta moderna … x’tikkummenta? 

Il-materjaliżmu għandu ħafna perikli kbar. Li inti jkollok ċertu livell ta’ ħajja illi tiggarantixxi u tgħix f’kumdità; li tkun tista’ tagħmel kapriċċ żgħir jew tkun tista’ ssiefer huwa tajjeb.  

Li huwa ħażin li l-materjaliżmu jsir għan fih innifsu għax dak ifisser li biex wieħed javvanza jrid jgħaffeġ lil ħaddieħor, anke jekk intom ħbieb, dak li jkun jagħmilha. Li jkollok ftit ambizzjoni ma fiha xejn ħażin. Li kieku jien ma kellix ambizzjoni ma kontx nidħol fil-politika. L-agħar li jkollok l-ambizzjoni bħala skop fih innifsu. Il-materjaliżmu l-istess ħaġa, li jkollok xrara biex timxi ’l quddiem huwa tajjeb. Il-Knisja hija kontra l-fatt li minn dak iż-żejjed li għandek ma tagħtix lura lil ħaddieħor, huwa periklu tal-materjaliżmu. Dan narawh f’pajjiżi oħra u mhux f’Malta biss.  

 

Int kellek rwol bħala Ministru tal-Ġustizzja – x’kienu l-kisbiet li kellek f’din il-kariga? 

Fil-ġustizzja jien għamilt riforma sħiħa tal-Kodiċi Kriminali. Kont daħħalt diversi emendi. Waħda minnhom li niftaħar biha hija meta għaddejt il-liġi tal-IVF. Din għamiltha mhux biss bejn il-miżżewġin imma għal kull min għandu relazzjoni stabbli. Kif jista’ jkun nikkriminalizzaw lil min mhux qiegħed f’relazzjoni taż-żwieġ? 

Ħafna jargumentaw li jien konservattiv, imma mhu vera xejn għax il-liġi tal-IVF mhijiex skont ir-reliġjon Kattolika.  

Liġi oħra li niftaħar biha wkoll hi li neħħejt id-diskriminazzjoni kontra t-tfal imwildin barra ż-żwieġ. Jien kif nista’ nkun kontra l-abort u fl-istess ħin niddiskrimina kontra t-tfal ta’ mara li minflok tagħmel abort, din tagħżel li jkollha t-tfal barra ż-żwieġ? Kelli battalja biex għaddejtha din il-liġi, u ħadt gost li kont jien il-ministru li neħħejt id-diskriminazzjoni fuq hekk. Id-diskriminazzjoni kienet fuq dawk l-ulied imwielda barra ż-żwieġ u kienet tgħid li jekk omm għandha wild barra ż-żwieġ u ieħor fiż-żwieġ, din ma tistax tħallilu iktar minn 1/3 tal-minimu li tħalli lill-wild imwieled fiż-żwieġ.  

Fil-qasam tal-ġustizzja, qabel kienet li jekk tkun miżżewweġ mingħajr tfal u ma tħallix testment, kienu jidħlu nies il-mara jew nies ir-raġel. Jien għamilt li f’dak il-każ jirtu lil xulxin kompletament. Kont ukoll għamilt pressjoni fil-kabinett biex ma jkunx hemm taxxa tas-suċċessjoni fuq id-dar matrimonjali. Qabel kienet, li jekk imut ir-raġel l-ewwel, il-mara kienet tħallas it-taxxa tan-nofs tar-raġel. Dik konna neħħejnieha u issa ma jħallsux it-taxxa tas-suċċessjoni fuq id-dar matrimonjali.  

Kburi ngħid li jien kont li daħħalt bħala regola ċ-ċittadinanza doppja fil-qasam tal-intern. Kull min kien Malti xi darba u tilef iċ-ċittadinanza għax forsi ried isir Awstraljan, u peress li dakinhar ma konniex nippermettu li jkollhom tnejn, din awtomatikament reġgħet ingħatatlu lura. F’sitwazzjoni fejn il-missier kien Malti u l-omm kienet ta’ nazzjonalità oħra, il-liġi ta’ dakinhar kienet tagħtik ċans sa 18-il sena biex tagħżel iċ-ċittadinanza tiegħek. Ħafna ma kinux jafu biha, u min kien jagħżel ċittadinanza mhux Maltija, kien jitlef dik Maltija.  

Meta tispiċċa mill-politika, l-ikbar sodisfazzjon hu meta tħares lura u tara x’għamilt. Meta tara li nbidel il-Gvern u dak li għamilt ma nbidilx mela s-sinjali juru li l-affarijiet saru tajjeb.   

 

Inti esperjenzajt il-gwerra bierda bejn Gonzi u John Dalli. Din setgħet tiġi evitata? 

Meta jkun hemm vaganza wara 27 sena ta’ kap bħal Fenech Adami u għandek vojt, u qegħdin fil-Gvern, naħseb tkun xi ħaġa stramba li joħroġ wieħed biss biex ikun Prim Ministru. Kienet ovvja li kien se jkun hemm żewġ tendenzi. Fil-fatt ħarġu tlieta għax kien ħareġ ukoll Louis Galea.  

Naħseb kienet xi ħaġa sana, u ħadd ma umilja lil ħadd. Jien naturalment kont ivvutajt lil Gonzi għax deherli li kien kontinwità aħjar ma’ Fenech Adami u nirrispetta lil min ivvota mod ieħor.  

 

X’tgħidilna fuq iż-żmien li għamilt bħala Kummissarju? 

L-isbaħ żmien għax pajjiż żgħir kellu s-saħħa tiegħu f’siġġu wieħed. Il-vera saħħa hija fil-kummissjoni għax fil-kummissjoni, kull pajjiż għandu kummissarju wieħed u kulħadd l-istess. Jien ma kontx nirrappreżenta lill-Gvern Malti. Meta kont fil-Kummissjoni, kont nirrappreżenta lill-Ewropa. Jiġifieri kieku nqala’ każ kontra Malta, jien kien ikolli immexxi kawża kontra Malta. Fortunatament ma nqalgħux kawżi f’dawk is-sentejn li kont Kummissarju kontra Malta.  

Int tkun fil-qalba tal-Ewropa, minflok tkun ministru ta’ nofs miljun, tkun ministru ta’ 500 miljun. Il-liġijiet kienet tipproponiehom biss il-Kummissjoni. Pajjiż jew membru parlamentari ma jistax jagħmel dan. Qiegħda hekk biex niżguraw li l-liġijiet isiru fl-interess tal-Ewropa, jekk tiksirx il-prinċipji, jekk hix fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, jekk hemmx biżżejjed fondi għaliha, u jekk hix liġi li verament hemm bżonnha.  

Kuntrarjament għal dak li jiġri fil-pajjiż individwali, fl-Ewropa inti m’għandekx is-saħħa li tgħaddi liġi għax ipproponejtha – int tipproponieha biss tista’.  

 

Tħares lura lejn x’kienu l-iżbalji li stajt evitajt meta kont fil-politika? 

Dawn naħseb huma żbalji ta’ kulħadd. Li xi kultant tafda wisq. Xi kultant ma tiddelegax biżżejjed. Xi kultant xi ħaġa ma tagħmilhiex għax tibża’ mill-konsegwenzi u bħala elettorali wkoll. Xi kultant li tparla żżejjed. Nannti kienet tgħid li diskors żejjed anke lill-avukat jagħmel ħsara.  

Xi kultant tgħid xi ħaġa u ma tindunax li qed tweġġa’ lil xi ħadd. Din jiddispjaċini għaliha. Kull politiku, ibda minn Mintoff sa Alfred Sant, naħseb jekk iħarsu lura jiftakru f’xi mument fejn jgħidu ‘dik il-kelma ma messnix għidtha.’ 

 

Tista’ tgħidilna fuq ix-xogħlijiet tiegħek fil-qasam tal-kostituzzjonal? 

Il-kostituzzjonal minn dejjem kien jogħġobni u kont nagħmel ħafna kawżi tad-drittijiet tal-bniedem. Hawnhekk kont dixxiplu ta’ Giovanni Bonello. Kont niddendel ma’ djulu. Minn dejjem kien urieni rispett allavolja kien hemm 21 sena differenza bejnietna.  

Niftakar fil-kawża tal-Blue Sisters. Bonello kien talabni mmur infittixlu xi affarijiet. Din kienet esperjenza li għallmitni ħafna mingħandu. Meta dħalt l-università, imbagħad bdejt ngħallem dan is-suġġett tal-liġi kostituzzjonali.  

Eżempju ta’ kawża fejn attakkajna l-liġi tal-entitajiet barranin, li jekk jiġi barrani jitkellem f’laqgħa politika jkun qed jikkommetti reat kriminali. Zammit Dimech u jiena konna stedinna ħabib tagħna Taljan u ġie jitkellem fuq in-nazzjonijiet uniti. Malli niżel, arrestawh! Guido de Marco, Bonnici, jien u Francis Zammit Dimech attakkajna l-liġi. Il-libertà tal-espressjoni hija għal kull min qiegħed f’Malta u mhux għall-Maltin biss.  

Illum ngħallem dan il-każ għax oltre tgħallem dan il-każ minn ktieb, u oltre tkun għextu int.  

 

Il-ktieb ‘The Blue sisters saga, a legal and factual analysis,’ – x’ispirak li tikteb dan il-ktieb? 

Din storja li niftakarha, u ktibtha biex ma tintilifx għaliex hija storja li tulha nqalgħu wisq kwistjonijiet legali u politiċi li jduru magħha.  

Din kienet waħda mill-isbaħ sentenzi fid-dritt amministrattiv. Kien taha l-Imħallef Joseph Herrera fejn qal li ma tistax teżerċita l-poter tiegħek bħala gvern b’mod irraġonevoli. 

It-tieni, fl-appell inqala’ inċident li l-Prim Imħallef ta’ dakinhar talab li jinqara l-artiklu tal-Kodiċi Ċivili li ma kellu xejn x’jaqsam u kienet inqgħalet kumplikazzjoni kbira.  

Frank Portelli kien kiteb dwar din il-mossa tal-Prim Imħallef u tellagħha għad-disprezz tal-Qorti u xi mitt avukat kienu ffirmaw rikors kostituzzjonali ħalli l-istess imħallef ma jiddeċidix id-disprezz tal-Qorti hu.  

Kienu rriżenjaw żewġ imħallfin tal-appell, inkluż il-Prim Imħallef. Mintoff kien saħansitra ssospenda l-qrati għal xi xahrejn u nofs. Kien hemm inċident li kien jinvolvi lil Vanni Bonello fejn sid ta’ ristorant qallu li ġej xi ħadd għalih b’arma tan-nar, u hekk kien ġara. Dan kollu seħħ f’każ wieħed u jduru mal-istess inċident tal-Blue Sisters, li mbagħad eventwalment kienu rebħuha l-kawża. Wara kienet saret liġi biex każijiet bħal tal-Blue Sisters ma jerġgħux isiru iktar fil-Qorti. 

Il-Gvern ta’ Mintoff kien imbagħad iddeċieda li jkeċċi lis-sorijiet Irlandiżi u seta’ jagħmel dan għax dakinhar ma konniex fl-Ewropa. Insellem lill-Imħallef Harding u l-Imħallef Herrera li kienu ħarġu għonqhom fi żminijiet tant diffiċli.  

 

Fl-esperjenza tiegħek, x'inhuma l-aktar sfidi urġenti li qed taffaċċja l-liġi kostituzzjonali f’Malta llum? U kif għandhom jiġu indirizzati? 

Il-kostituzzjoni tagħna għandha wisq black holes. Is-sena d-dieħla ħa noħroġ ktieb ‘The Maltese Constitution at Sixty’ li jittratta fuq hekk. Hemm ħafna partijiet tal-kostituzzjoni fejn jgħidu li din il-kwistjoni ma tistax tigi indagata mill-Qorti.  

Hemm miktub fl-artiklu 115, li l-liġijiet kollha li saru qabel l-1962 ma jistgħux imorru kontra d-dritt tal-propjetà. Fil-fatt, il-kawżi tal-propjetà aħna nagħmluhom taħt il-konvenzjoni Ewropea mhux taħt il-kostituzzjoni, imma llum m’għadx hemm skop għaliha. Dawn huma ftit mill-problemi li għandna fil-kostituzzjoni tagħna.  

L-ikbar problema hi jekk jien irrid nattakka liġi għax tmur kontra l-kostituzzjoni, irrid nipprova interess personali fil-liġi. X’jiġifieri? Il-liġi tapplika għal kulħadd, u la għaddiet mill-parlament, kulħadd għandu dritt jattakkaha.  

Qegħdin nipperikolaw u nkissru s-supremezija tal-kostituzzjoni. Din diffiċli biex il-Gvern jaċċettaha għax ifisser li aktar nies jistgħu jagħmlu kawża. L-Għaqda Studenti tal-Liġi għadhom kif ippubblikaw abbozz lill-Oppożizzjoni u lill-Gvern biex meta wieħed jagħmel kawża kontra l-Gvern irid japprova xi interess. M’hemmx għalfejn ikun interess “personali” imma turi interess suffiċjenti min-naħa ta’ dik il-persuna li se tiftaħ il-kawża.  

Bħalissa, l-ikbar problema legalment hija din il-ħtieġa ta’ interess ġuridiku li fl-opinjoni tiegħi qed tiġi interpretata ħażin mill-qrati.  

More in Socjali