L-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) tħabbar l-introduzzjoni ta' miżuri ġodda li jirregolaw il-klawżoli ta’ indiċjar tal-prezzijiet fil-kuntratti tat-telekomunikazzjoni, li wħud minnhom isiru effettivi b'effett immedjat.
Minn Jannar, operaturi tal-mowbajl u tal-internet se jkunu meħtieġa jinkludu ‘klawżoli ta’ indiċjar tal-prezzijiet’ f’kuntratti ġodda, limitati għal sitt xhur.
Konsumaturi b'kuntratti li diġà jinkludu klawsola bħal din se jkollhom id-dritt li jtemmu l-kuntratti mingħajr penali.
Fi stqarrija, l-MCA qalet li diversi fornituri f’dawn l-aħħar xhur introduċew klawsoli fil-kuntratti tal-abbonati li jippermettulhom jaġġustaw ħlasijiet jew ħlasijiet ibbażati fuq indiċi oġġettiv tal-prezz tal-konsumatur miġbur minn istituzzjoni pubblika.
Filwaqt li tesprimi tħassib serju, l-MCA tenfasizza fuq in-nuqqas ta' għarfien tal-konsumatur dwar dawn il-klawsoli, u l-possibilità li konsumaturi ma jifhmux l-impatt li dawn il-klawsoli ser ikollhom fuqhom.
Apparti hekk, MCA tinsab imħassba wkoll fuq inċertezza dwar l-ispejjeż totali li konsumaturi jridu jħallsu matul il-perjodu tal-kuntratt u d-diffikultajiet finanzjarji li konsumaturi jridu jaffaċċjaw meta jkun hemm żidiet imprevedibbli filprezzijiet u d-diffikultà biex konsumaturi jqabblu it-tariffi tal-operaturi, li jista’ jfixkel il-kompetizzjoni fis-suq.
Fid-dawl ta’ dan, l-MCA introduċiet ir-rekwiżiti li ġejjin għall-operaturi ta’ servizzi tal-internet, tat-TV, tat-telefonija mobbli u fissa:
• Tul massimu ta' kuntratti li jinkludu 'klawżoli ta' indiċjar tal-prezzijiet’ għandu jkun limitat għal sitt (6) xhur, b’effett mit-8 ta' Jannar 2024.
• L-operaturi jistgħu joffru tariffi b’tul massimu kuntrattwali ta’ erbgħa u għoxrin xahar, bilkundizzjoni li dawn ma jinkludux "klawżoli ta' indiċjar tal-prezzijiet".
• L-operaturi jridu jiksbu kunsens espliċitu mill-konsumaturi qabel ma jikkonkludu kuntratti li jinkludu "klawżoli ta' indiċjar tal-prezzijiet," b’effett mit-8 ta' Marzu 2024.
• Obbligi addizzjonali ta' trasparenza għall-websajts li jippubbliċizzaw pjanijiet bi klawsoli ta' indiċjar tal-prezzijiet u l-kuntratti rispettivi, b’effett mit-8 ta' Marzu 2024
Fir-rigward ta’ kuntratti eżistenti, wara sitt xhur mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt, il-konsumaturi għandhom id-dritt li jtemmu l-kuntratti mingħajr penali ta’ terminazzjoni bikrija jekk l-operaturi jimplimentaw bidliet fil-prezz ibbażati fuq il-klawżola ta’ indiċjar.
Din il-kwistjoni kienet fiċ-ċentru ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, liema Qorti ddeterminat li l-aġġustamenti fil-prezzijiet li jirriżultaw mit-tħaddim ta' klawżola ta' indiċjar tal-prezzijiet li tinsab f'kuntratt, ma jikkostitwixxux modifika kuntrattwali li jobbliga lill-operaturi li jagħtu lill-konsumaturi id-dritt li jitterminaw mill-kuntratt tagħhom mingħajr penal
L-MCA ħeġġet lill-operaturi biex joffru lill-konsumaturi l-għażla li jħassru l-kuntratti mingħajr penali f’każ ta’ reviżjonijiet tal-prezzijiet minħabba klawżoli ta’ indiċjar, li jsiru fi żmien l-ewwel sitt xhur mill-iffirmar tal-kuntratt.
“L-Awtorità tqis li tali impenn volontarju mill-operaturi jkun konsistenti mal-objettiv li jiġu żgurati prattiki kuntrattwali ġusti u trasparenti fis-settur.”