L-iskart muniċipali ġġenerat matul l-2022 żdied bi 3.8%

Skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) jidher illi l-iskart muniċipali ġġenerat matul l-2022 żdied bi 3.8% fuq is-sena ta’ qabel biex laħaq total taʼ 328,394 tunnellata

Skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) jidher illi l-iskart muniċipali ġġenerat matul l-2022 żdied bi 3.8% fuq is-sena ta’ qabel biex laħaq total taʼ 328,394 tunnellata.

Fl-2022, il-ġenerazzjoni tal-iskart muniċipali ammontat għal 328,394 tunnellata biex bʼhekk żdiedet bi 12,070 tunnellata, jew 3.8%, fuq l-2021.

Iż-żidiet kienu fl-iskart muniċipali mħallat (15,285 tunnellata), fl-iskart muniċipali ieħor (1,574 tunnellata) u fl-iskart goff (1,567 tunnellata).

Skont l-istatistika, jidher li kien irreġistrat tnaqqis fil-ġbir tal-iskart organiku, fil-ġbir tal-iskart miċ-ċentri għall-iskart goff, fi ġbir ieħor taʼ skart, fil-ġbir tal-boroż il-ħodor/griżi u fil-bring-in sites.

Kien hemm żieda fl-iskart tal-borża s-sewda mill-kunsilli lokali (10,659 tunnellata), il-ġbir tal-borża s-sewda min-negozji u l-istituzzjonijiet (4,626 tunnellata), u l-ġbir tal-iskart goff mid-djar, min-negozji, u mill-istituzzjonijiet (1,567 tunnellata)

Fl-2022, il-ġbir tal-iskart isseparat kien jammonta għal 27.9% tal-iskart muniċipali ġġenerat, li huwa tnaqqis mill-31.1% li kien irreġistrat fl-2021.

Fl-2022 kull persuna ġġenerat 618-il kilogramma ta’ skart, li hija żieda ta’ 1.3% fuq is-sena ta’ qabel.

Matul l-2022, l-ammont ta’ skart muniċipali ttrattat naqas b’6,644 tunnellata (2.1%), fuq dak irreġistrat fl-2021, sabiex laħaq 317,280 tunnellata.

Il-persentaġġ taʼ skart  muniċipali trattat fil-miżbliet kien ta’ 86.2%, li huwa żieda mit-83.1% li kien irreġistrat is-sena ta’ qabel.Kontributuri ewlenin għal din iż-żieda kienu l-iskart muniċipali mħallat (2,678 tunnellata), il-fdalijiet li jirriżultaw mit-trattament mekkaniku tal-iskart (1,795 tunnellata) u l-iskart goff (1,314-il tunnellata).

Min-naħa l-oħra, ir-rimi fil-miżbliet tal-iskart tal-injam naqas bi 3,746 tunnellata.

Meta mqabbel mal-2021, l-iskart muniċipali li ġie riċiklat naqas b’2,083 tunnellata (5.0%), għal total taʼ 39,807 tunnellati. B’sehem taʼ 60.6% mill-iskart kollu rriċiklat, il-karta u l-kartun kienu l-aktar materjal li ġie rriċiklat.

Min-naħa l-oħra, kienu rreġistrati żidiet fir-riċiklaġġ tal-karti u l-kartun (10.4%), tal-bijoskart mill-kċejjen u l-kantins (%) u tal-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (4.2%). Min-naħa l-oħra, kien irreġistrat tnaqqis fir-riċiklaġġ tal-ħwejjeġ u t-tessuti (97.2%), tal-metalli (55.4%), tal-plastik (12.8%) u tal-ħġieġ (9.1%). Fl-2022, l-iskart muniċipali li għadda mit-trattament taʼ rkupru tal-enerġija ammonta għal 4,099 tunnellata sabiex bʼhekk naqas bʼ67.8% fuq l-2021.

More in Socjali