Diskussjoni li l-Parlament Malti se jkollu fil-jiem li ġejjin b’rabta ma’ abbozz ta’ liġi li jemenda numru ta’ liġijiet li jittrattaw reati ekonomiċi bħal ħasil ta’ flus, servizzi u swieq finanzjarji, għandha l-għan ukoll li l-liġi Maltija tkun konformi ma’ dikjarazzjonijiet ta’ Qrati Ewropej.
Ikkonferma dan il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard meta preżenta għadd ta’ pronunzjamenti ta’ Qrati Ewropej fuq is-suġġett.
Fl-istess ħin li tkun ittieħdet ukoll azzjoni fuq dikjarazzjonijiet tal-Qrati Maltin, inkluż dik kostituzzjonali, li lmentaw li jdejhom huma marbuta bil-liġi kif inhi llum.
Fil-fatt, il-Qrati huma konsistenti, u kif inhi l-liġi llum, ordni ta’ ffriżar ma tistax titneħħa jew tiġi limitata għal ammont speċifiku sakemm is-sentenza tiġi deċiża b’mod finali u konklussiv.
Kif ġie ritenut fil-każ Repubblika ta’ Malta vs Keith Testa u Carlos Dimech, “... idejn il-Qorti tibqa’ marbuta dment li l-liġi tibqa’ kif inhi.”
Riċerka li għamlet il-gazzetta Illum turi li din xi ħaġa li anke tkellmet fuqha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Fil-fatt, l-Istat Malti mhuwiex estranju għal dawn it-tip ta’ pronunzjamenti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fuq dan is-suġġett. F’Marzu tal-2022 ingħatat sentenza fl-ismijiet Shorazova kontra Malta, li għalkemm mhux dwar ċirkostanzi identiċi, kienu jittrattaw ordni ta’ ffriżar applikata mill-Awtoritajiet Maltin fuq talba tal-Każakistan.
F’dan il-każ, il-Qorti qieset li l-iffriżar tal-propjetà kollha tal-imputata (f’Malta) huwa, min-natura tiegħu, miżura ħarxa u restrittiva. Hija kapaċi taffettwa d-drittijiet tal-imputata b’tali mod li l-attività prinċipali tan-negozju tagħha jew saħansitra l-kundizzjonijiet tal-għejxien jistgħu jitqiegħdu f’riskju.
Finalment il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet qieset li l-proċedura quddiem il-Qorti Kriminali f’Malta li biha l-ordni ta’ ffriżar inħarġet u ġiet estiża ripetutament għal 8 snin sħaħ, ċaħdet lil Shorazova mis-salvagwardji proċedurali rilevanti kontra ndħil arbitrarju jew sproporzjonat mill-Istat.
Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, f’diversi sentenzi, inkluż f’Dziniċ kontra l-Kroazja, ma titkellimx kontra li jkun hemm sekwestri li jċaħħdu imputat mill-propjetà tiegħu, imma tenfasizza l-ħtieġa li l-Qorti tistabbilixxi jekk kienx legali u “skont l-interess ġenerali”, u jekk kienx hemm relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imfittex li jiġi milħuq bl-ordni.
F’dan ir-rigward saħqet li anke jekk l-interferenza, f’dan il-kuntest ordni ta’ ffriżar, tkun saret skont il-liġi u fl-interess pubbliku, għandu jkun hemm ukoll relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imfittex li jintlaħaq minn kwalunkwe miżura applikata mill-Istat, inkluż miżuri maħsuba biex jikkontrollaw l-użu tal-propjetà tal-individwu.
Din il-ħtieġa hija espressa mill-kunċett ta’ “bilanċ ġust” li għandu jintlaħaq bejn it-talbiet tal-interess ġenerali tal-komunità u r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwu. F’dan il-każ partikolari nstab li l-Qorti fil-Kroazja, ħalliet lill-imputat għal aktar minn sentejn u nofs, mingħajr ma rat jekk kienx hemm sproporzjon bejn il-valur tal-propjetà maqbuda u l-allegat qligħ pekuljari miksub illegalment, dak deskritt bħala rikavat mill-kriminalità. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet għalhekk sabet li l-applikazzjoni tas-sekwestru fuq il-beni kollha ma kinitx adegwata biex turi li kien sodisfatt ir-rekwiżit ta’ “bilanċ ġust” inerenti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Quddiem din is-sitwazzjoni, il-Ministru għall-Ġustizzja ressaq din ir-riforma li ddeskriva bħala kuraġġuża.
Intqal li l-għan tal-emendi huwa li jippruvaw isibu bilanċ aktar ġust bejn il-ħtieġa fl-interess pubbliku li tiġi ffriżata propjetà biex din ma tiġix sparpaljata waqt li jkun hemm proċeduri pendenti li jistgħu jwasslu għall-konfiska u d-drittijiet tal-imputat li ma jitqigħedx f’sitwazzjoni ta’ rovina finanzjarja mingħajr ma jkun instab ħati.
Kompla jkun spjegat ukoll li r-riforma se twassal biex l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jsostnu l-ħidma u l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu r-reati finanzjarji. Dan billi tindirizza ukoll l-isfidi li ħabbtu wiċċhom magħhom l-istituzzjonijiet Maltin fl-aħħar ftit snin ta’ esperjenza fis-settur, bħal pereżempju l-Asset Recovery Bureau, li issa se tkun f’pożizzjoni li tbigħ propjetà li tkun peribbli jew li n-nefqa biex tiġi mantnuta u miżmuma sew ma tkunx ekonomikament vijabbli.