Il-kelliema ta’ ADPD – The Green Party Sandra Gauci u Ralph Cassar waqt konferenza stampa saħqu li għadhom ma ttieħdux passi dwar il-flejjes li ngħatat Cutajar xejn għal xogħol li m’għandhiex kompetenza fih u li "għadda biżżejjed żmien mir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) dwar ix-xogħol fantażma ta’ Rosianne Cutajar", investigazzjoni li talab Carmel Cacopardo f’isem ADPD.
ADPD sostna li l-Prim Ministru u l-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Whip tal-Gvern Andy Ellul, ħarġu jiddefendu lil Rosianne Cutajar. Kif ukoll, Clayton Bartolo ddefenda l-aġir inaċċettabbli tas-CEO tal-ITS Pierre Fenech li ħeba l-kuntratt saħansitra mill-Bord tal-Gvernaturi tal-ITS.
“Bis-soltu tribaliżmu u partiġġjaniżmu skadut tiegħu Ellul qed jagħti x’jifhem li l-gvern stess li hu jagħmel parti minnu iħalli membri parlamentari jiskartaw minn xogħolhom mas-settur pubbliku.”
Sandra Gauci ħeġġet lill-Kummissarju Angelo Gafà biex jieħu azzjoni kontra dawk involuti fl-iskandlu tal-kuntratt frawdolenti, filwaqt li jagħmel paralleli mal-azzjoni mdewma fil-każ tax-xogħol fantażma ta’ Melvin Theuma. Il-Partit insista fuq it-tneħħija ta’ Pierre Fenech mill-karigi doppji tiegħu bħala CEO tal-ITS u l-MCC u sejjaħ għal investigazzjonijiet immedjati dwar l-allegazzjonijiet ta’ frodi. L-eks Ministru Konrad Mizzi ma ġiex minsi mill-ADPD, hekk kif il-partit talab ukoll investigazzjoni dwar ir-rwol tiegħu fl-iskandlu.
ADPD saħaq fuq il-ħtieġa ta’ azzjoni kriminali kontra l-partijiet kollha involuti, u esprima nuqqas ta’ twemmin għall-prokrastinazzjoni tal-Kummissarju minkejja rapport pubbliku dettaljat mill-Awditur Ġenerali.
Barraminnhekk, l-APDP enfasizza li l-pubbliku m’għandux ikun sfurzat jieħu r-rwol tal-infurzar tal-liġi u talab azzjoni rapida biex tiġi indirizzata l-kultura ta’ impunità madwar każijiet ta’ frodi u abbuż ta’ poter.
L-ADPD ħolqot ukoll petizzjoni bil-għan li timbotta lill-pulizija biex taġixxi. Il-petizzjoni tista’ tiġi ffirmata hawn.