Nhar it-Tnejn, l-Awditur Ġenerali Charles Deguara ppreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Dr Anġlu Farrugia r-Rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) bl-isem ‘Information Technology Audit: A Follow-Up on the 2020 IT Audit - ICT Across Local Councils’.
Minn 28 rakkomandazzjoni li saru fir-rapport tal-NAO fl-2020, 7% tagħhom ġew implimentati b’mod sħiħ, 50% nofs implimentazzjoni, waqt li 43% l-ebda azzjoni.
L-iskop ta’ dan l-awditu ta' segwitu kien li jiġi stabbilit it-titjib li sar fis-sistema tal-IT tal-kunsilli lokali minn meta ġie ppubblikat ir-rapport tal-2020, billi jiffoka speċifikament fuq l-azzjonijiet li ttieħdu wara r-rakkomandazzjonijiet li saru fih.
Sadanittant, fil-baġit annwali tagħhom, sitt kunsilli inkludew oġġetti ta’ infiq kapitali inkluż l-installazzjoni ta’ netwerks lokali, ix-xiri ta’ tagħmir ġdid, u l-installazzjoni tas-softwer meħtieġ.
Fir-rigward tat-taħriġ, mill-54 kunsill lokali, 38 kunsilli lokali rrappurtaw lill-NAO li ħadd mill-impjegati tagħhom ma kien irċieva l-ebda taħriġ fl-IT mill-2020. Impjegati ta’ żewġ kunsilli lokali u ħames impjegati tal-kunsilli lokali rċevew taħriġ fl-IT mill-Istitut għas-Servizz Pubbliku u kumpanija privata, rispettivament.
Fuq nota pożittiva, l-NAO sab ukoll li d-diviżjoni tal-gvern lokali kienet implimentat bis-sħiħ sistema ta' permessi fost titjib ieħor filwaqt li ħeġġeġ li jiġu implimentati sistemi oħra bħal traċċar tal-ilmenti tal-klijenti u l-posta, u li tissaħħaħ is-sistema ta' pagamenti onlajn fost bosta oħrajn.