Inawgurat mafkar f’ġieħ il-Professur Oliver Friggieri

Monument figurattiv tal-bronż f’ġieħ il-Professur Oliver Friggieri ġie inawgurat fil-Furjana u jinsab faċċata ta’ dak li jfakkar lill-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila, jikkonsisti f’rappreżentazzjoni ta’ Friggieri wieqaf fuq pedestall imponenti, li jirrifletti l-istatura tiegħu fil-fora akkademika lokali u lil hinn

Monument figurattiv tal-bronż f’ġieħ il-Professur Oliver Friggieri ġie inawgurat fil-Furjana, f’ċerimonja nhar it-Tnejn, li ċċelebrat il-legat kbir li ħalla warajh dan il-ġgant letterarju.

Il-monument, li jinsab faċċata ta’ dak li jfakkar lill-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila, jikkonsisti f’rappreżentazzjoni ta’ Friggieri wieqaf fuq pedestall imponenti, li jirrifletti l-istatura tiegħu fil-fora akkademika lokali u lil hinn. Il-monument jinkludi wkoll versi mnaqqxa minn waħda mill-aktar poeżiji maħbuba ta’ Friggieri, bl-isem ta’ ‘Jekk’.

Din l-okkażjoni kienet frott proċess li beda inqas minn xahar wara t-telfa tal-Prof. Friggieri bis-sejħa minn Heritage Malta, taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, għal proposti b’disinni għall-mafkar. Wara dan, ġurija esperta għażlet id-disinn tal-artist Għawdxi John Grima.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-Professur Oliver Friggieri ma kienx biss awtur, studjuż tal-Malti u għalliem mill-aqwa, iżda huwa wkoll wieħed mill-iprem ħassieba li ra pajjiżna.

Huwa rrimarka kif għex, kiteb u qasam ħsibijietu f’epoki differenti ta’ nazzjon, li bħal kull nazzjon ieħor fid-dinja ffaċċja l-isfidi tiegħu.

“Ma straħ qatt. Ma kkuntenta qatt b’dak li kien inkiseb. Għax hu kien ċert, u bla dubju kellu raġun, li kien hemm u hemm ġejjieni sabiħ għall-Maltin, bħalma kien hemm passat li wasslu s’hawn” saħaq Abela

Abela qal li minkejja li minn kitbietu wieħed jifhem ċar kif kultant ħassu jirrabja, xorta waħda kien bniedem li ried jibni fuq it-tajjeb.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, fakkar li l-Gvern Malti kien għamel wegħda mal-poplu biex iwaqqaf mafkar f’ġieħ il-poeta u l-Professur Oliver Friggieri, li matul ħajtu emmen fil-potenzjal uman u f’dak kollu li huwa sewwa.

“Illum qegħdin nikxfu dan il-monument f’ġieħ dan il-ġgant tal-letteratura Maltija u l-identità nazzjonali. Mafkar artistiku li jfakkar il-kontribut li ta Oliver Friggieri b’risq in-nazzjon Malti", qal Bonnici.

Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, qasam ħsibijietu wkoll u ddeskrivieh bħala wieħed mill-akbar Maltin li b’għemilu daqskemm bis-saħħa tal-kelma miktuba u mitkellma ta xhieda ta’ kif għandu jkun ġens wieħed magħqud.

Oliver Friggieri twieled u trabba l-Furjana, mhux ’il bogħod wisq mill-post fejn issa hemm il-monument f’ġieħu, u beda jħarbex l-ewwel versi poetiċi tiegħu meta kien għadu jmur l-iskola primarja. Il-kontribut monumentali tiegħu lid-dinja letterarja, l-impatt li ħalla fuq pajjiżna, u l-umanità li wera matul ħajtu kollha kienu riflessi tul iċ-ċerimonja f’kummenti minn qraba u ħbieb, diskorsi minn mistednin distinti, u siltiet artistiċi animati mill-attur Mario Micallef u mill-kantawtur Vince Fabri.

 

More in Socjali