Permezz ta’ ftehim, il-gvern għadda art f’Birżebbuġa lill-Birżebbuġa Aquatic Sport Club bi skop speċifiku li tinbena pixxina b’ilma msaħħan u terrazzi għall-ispettaturi fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
L-art se tiġi trasferita lill-klabb għal perjodu ta’ 45 sena b’kera ssussidjata sostanzjalment, kif inhi l-prattika tal-gvern għal żoni magħżula għall-isports. F’għeluq il-45 sena, il-ftehim jista’ jerġa’ jiġġedded.
Dawn il-faċilitajiet ta’ Birżebbuġa se jkunu wkoll għall-użu tal-Youth Nursery tal-Klabb u fil-ħinijiet tal-iskola, bi ftehim, tinfetaħ għall-użu tat-tfal tal-iskola.
Clifton Grima, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, qal li se jkompli jaħdem biex l-isports jkun ta’ livell għoli f’pajjiżna u jkun aċċessibbli għal kulħadd.
Ftit tal-ġimgħat ilu, ġiet inawgurata pixxina oħra f’Bormla taħt l-istess investiment.
Fis-snin riċenti l-gvern għadda wkoll art lil diversi assoċjazzjonijiet għal għan sportiv, u b’hekk dawn il-klabbs u oħrajn qed ikabbru l-operat tagħhom biex jilħqu aktar tfal u żgħażagħ.
Matthew Pisani, f’isem SportMalta, stqarr li l-entità dejjem se tkun ta’ spalla għal kull klabb u organizzazzjoni sportiva biex dan is-settur ikompli jikber.
Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Birżebbuġa Aquatic Sport Club, Jason Bonnici, qal li dan se jkun pass kbir ’il quddiem fl-istorja ta’ dan il-klabb. “Il-membri tal-klabb u l-poplu ta’ Birżebbuġa issa se jkollu faċilità mill-aqwa u ta’ livell għoli, li minnu se jgawdu mhux biss in-nies tal-lokal, imma wkoll il-poplu kollu b’mod ġenerali”.