L-iskandlu tal-Abbazia

L-avukat Għawdxi Carmelo Galea, u l-Imħallef irtirat Dennis Montebello. Fl-1992 il-kumpanija tagħhom kisbet l-artijiet t’Għawdex fuq enfitewsi ta’ Lm500 biss fis-sena, għal 150 sena. 

L-istorja tal-Abbazia, fondazzjoni li għandha l-għeruq tagħha li jmorru lura għas-seklu 17, qed tkompli toħloq polemika f’Malta, speċjalment għall-familji Għawdxin Nadurin u Qalin. Il-pedament storiku reġa’ qanqal polemiċi li qed jaffettaw familji li qiegħdin f’xiber li jitilfu darhom. Din it-tilwima titratt numru ta’ art li hija marbuta ma’ wirt kumpless tal-fondazzjoni li qed tkompli tiżvolġi f’riperkussjonijiet fl-istorja ta’ pajjiżna. Dan l-iskandlu qed jixħet dawl fuq l-isfidi li qed jaffaċċjaw familji minħabba fondazzjoni mifruxa fuq numru ta’ ġenerazzjonijiet.  

Tkellimna ma’ Matthew Vella, ġurnalist u eks editur mal-MaltaToday, illi kien għamel riċerka b’reqqa fuq din il-kawża fejn staqsejnih f’effett qed tħalli din it-tilwima li bdiet mis-seklu 17 illum. Vella wieġeb li argument minnhom hu li “l-Kurja setgħet użat is-saħħa li kella minn deċiżjoni tal-Qorti fl-2013 biex ma ċċedix il-kontroll ta’ din il-fondazzjoni".  

Hemm storja twila wara din il-fondazzjoni, u “hemm storja twila fejn il-predeċessuri tal-Arċisqof ma ċedewx kontroll lill-allegat eredi”.  

Vella kompla jgħid li hemm argument ieħor b’fatti magħrufa li wieħed jixtarr fuqu li hemm suspett raġonevoli li Stagno Navarra, kif ukoll l-avukat Carmelo Galea u l-eks imħallef Dennis Montebello, kienu interessati li jkollhom lil Patrick Valentino bħala r-rettur, għax b'hekk jingħatalu s-saħħa jwelli l-artijiet tal-Abbazia lill-kumpannija privata tagħhom. “M'għorkitx għajn l-Arċisqof? Anke il-fatt li l-arċidjoċeżi aċċetat donazzjoni ta' €200,000... possibli li l-Knisja Maltija lesta tirrazzjonaliżża r-raġuni umana u l-kritika tas-soltu tagħha kontra r-rgħiba, f'isem il-legaliżmi?” 

Meta mistoqsi x’impatt ħallew dawn l-isfidi fuq ir-resdenti tal-Qala u n-Nadur, Vella stqarr li bla dubbju, l-iżball notarili tal-50ijiet ħawdilhom il-borma. “Ħafna minn dawn in-nies mingħalihom li setgħu jifdu kera tal-knisja, u jirreġistraw titlu tal-propjetà, iżda le, ma jistgħux. Għax l-Abbazia mhuwiex benefiċju ekkleżiastiku.” 

Vella kompla jispjegalna kif xi darba dawn l-artijiet, li issa jinsabu f’għoqda, kienu art privata “li l-knisja suppost kellha tieħu ħsiebhom”. 

Vella tana spunt kif fl-1989, dawn l-artijiet baqgħu barra mill-Annex 8, cioe il-propjetà ekkleżjastika li kellha tingħata lill-iStat, filwaqt li staqsa “Possibli li ta' Stagno Navarra huma, ġuridikament, il-vera werrieta ta' dawn l-artijiet skond l-istatut tal-Abbazia? Qatt ġie konklusivvament deċiż minn qorti li dawn in-nies għandhom jedd għal din l-art?” 

Fl-aħħarnett, Vella saħaq li “hemm bżonn ċarezza fuq il-kontroll tal-Abbazia, għax huwa min jitqiegħed 'rettur' tal-fundazzjoni li jingħatulu ċ-ċavetta għal dawn l-artijiet.” 

Deċiżjoni tal-Qorti ordnat familja Għawdxija biex titlaq minn darha fil-Qala, u potenzjalment tista’ tħalli impatt fuq bosta oħrajn. Il-Fondazzjoni, imwaqqfa bħala ‘benefiċċju lajk,’ kienet maħsuba biex iżżomm artijiet għall-werrieta ta’ Cosmana Navarra. Il-familja Stagno Navarra, li talbet il-wirt, kisbet il-kontroll billi ħallset lill-Knisja Kattolika Maltija €200,000, u għelbet għoxrin sena ta’ sfidi legali. 

Il-Prim Ministru Robert Abela wiegħed “li dan il-Gvern se jagħmel dak kollu possibbli biex dawn il-ħniżrijiet ma jħallihomx iseħħu” u li se jieħu azzjoni deċiżiva biex jippreveni l-iżgumbrament tar-residenti tan-Nadur u l-Qala. Bosta Għawdxin jinsabu involuti f’tilwima dwar l-art li tinvolvi l-Fondazzjoni tas-seklu 17 ‘Abbazia di Sant’Antonio delli Navarra’. 

Il-Prim Ministru Abela ddenunzja l-attentat ta’ tkeċċija ta’ familji bħala “oxxenità” u li “qed jitħanżru għas-skapitu taż-żgħir”. Abela kkritika lill-ispekulaturi li jfittxu li japprofittaw mid-djar tar-residenti u li “qed iduru mal-liġi biex jikkapitalizzaw minnha”. 

Abela enfasizza l-ħtieġa li l-ġudikatura tipproteġi lid-dgħajjef mill-isfruttament ta’ dawk li għandhom il-poter filwaqt li qal li s-sitwazzjoni tibqa’ soġġetta għall-istadju tal-appell. Il-pożizzjoni soda tal-Prim Ministru tirrifletti d-determinazzjoni tal-Gvern biex jipproteġi r-residenti milquta biex dawn “il-ħniżrijiet” ma jseħħux.  

Din hija linja kronoloġika li turi fid-dettall l-avvenimenti ta’ kif beda kollox u kif wassal għal punt li bosta familji Għawdxin jaf ikunu affettwati minn fondazzjoni tas-seklu 17: 

25 ta’ Awwissu 1675  

In-Nobbli Cosmana Navarra ħolqot benefiċċju jew Fondazzjoni msejħa ‘Benefiċċju Ta’ Sant’Antonio Delli Navarra’ bl-għan li tamministra artijiet vasti f’Għawdex u tiġbor fondi.  

Ir-regoli tal-Fondazzjoni jgħidu li d-dixxendenti ta’ Navarra jkunu patruni tal-Fondazzjoni li tkun amministrata minn rettur; li jkun nominat (jew miċħud) mill-Arċisqof. Ir-rettur irid ikun dixxendent maskili tan-neputi ta’ Navarra (jiġifieri dixxendent minn Federico Falson Navarra), dixxendent maskili minn Federico, u f’nuqqas ta’ dixxendent maskili seta’ jkun min-nisel ta’ Cosmana jew oħtha l-kbira Faustina, jew qassis.  

F’każ li ma jinstab l-ebda dixxendent, ir-rettur jista’ jagħti l-art permezz ta’ enfitewsi – jew kiri – wara li jikseb il-kunsens tal-Arċisqof. 

3 ta’ Novembru 1989 

Wara l-mewt tal-qassis Francesco Saverio Bianco, li kien rettur tal-Fondazzjoni, il-Fondazzjoni kienet amministrata minn qassisin għal għexieren ta’ snin, iżda l-ebda rettur ma kien inħatar minflok Bianco.  

Awwissu 1991 

Richard Dei Conti Stagno Navarra ddikjara lilu nnifsu dixxendent ta’ Cosmana u li huwa r-rettur li jmiss. Huwa kien kera art fil-Qala msejħa Ta’ Għar Boffa lill-imprenditur tal-proprjetà Joseph Vella fuq enfitewsi temporanja għal 150 sena. 

Fl-istess xahar, Richard Dei Conti Stagno Navarra kien talab lill-Arċisqof jaħtru bħala rettur, iżda fl-1991 din it-talba ġiet miċħuda.  

Marzu 1992 

Richard Dei Conti Stagno Navarra kien ippreżenta rikors il-Qorti fejn talab biex jinħatar bħala rettur. Fl-ittra tiegħu mkien ma kien jidher imsemmi ċ-ċaħda tal-Arċisqof tal-1991.  

Ġurnata wara, fis-27 ta’ Marzu 1992, il-Maġsitrat Carol Peralta ħatritu rettur.  

30 ta’ Marzu 1992 

Joseph Vella waqqaf kumpanija, Berracimp Properties Limited. Carmelo Galea, Dennis Montebello li kien maġistrat dak iż-żmien, u Joseph Vella kienu d-diretturi tagħha.  

Richard Dei Conti Stagno Navarra kien ittrasferixxa artijiet lil din il-kumpanija f’atti enfitewtiċi. 

Lulju 1992 

L-Arċidjoċesi ressqet kawżi fil-Qorti kontra dawn it-trasferimenti tal-art. Ftit tax-xhur wara, l-Arċidjoċesi sfidat il-ħatra ta’ Richard għal rettur fil-Qorti Kostituzzjonali inferjuri. 

19 ta’ Frar 2010  

Il-Qorti ddeċidiet kontra l-Arċidjoċesi fuq il-bażi li l-Fondazzjoni hija lajka, mhux reliġjuża, u għalhekk ma taqax taħt il-liġi Kanonika. L-Arċidjoċesi appellat. 

29 ta’ Novembru 2013 

Tliet imħallfin fil-Qorti tal-Appell annullaw ir-rettorat ta’ Richard. Richard miet fl-2010, u l-Qorti ordnat lis-sitt aħwa tiegħu jħallsu l-ispejjeż legali, inkluż tal-Arċidjoċesi. Ir-rebħa fissret li l-Arċidjoċesi reġgħet ħadet il-kontroll fuq il-Fondazzjoni u kienet kwistjoni ta’ żmien biex l-artijiet li Richard kien ittrasferixxa jiġu annullati.  

Frar 2017 

F’żewġ digrieti, l-Arċisqof Charles Scicluna aċċetta t-talba ta’ Stagno Navarra, li hemm bżonn dixxendent min-nisel ta’ Cosmana jew Federico, mingħajr ma talab li jara xi evidenza minn sorsi indipendenti jew verifikati, u mbagħad ħatar lin-nominat tagħhom Patrick Valentino bħala rettur.  

Scicluna awtorizza lir-rappreżentant legali tiegħu biex jiffirma kuntratt li fih “jirrinunzja d-dritt” li jagħti l-kunsens għal trasferimenti ta’ art mir-rettur. L-Arċidjoċesi ħadet ukoll ir-responsabbiltà tal-obbligi piji, u rċeviet somma ta’ €200,000 sabiex tiffinanzja l-akkumulazzjoni tal-imgħax fis-sena. 

Ikkontribwew għal dak il-fond ta’ €200,000 kienu 60% minn Stagno Navarra, 20% mill-Avukat Carmelo Galea u 20% mill-Maġistrat irtirat Dennis Montebello. 

17 ta’ Awwissu 2017 

Carravan Company Limited twaqqfet bl-istess bilanċ ta’ sjieda: 60% propjetà ta’ Dei Conti Holdings Limited (kumpanija tal-aħwa Stagno Navarra), 20% ta’ Carmelo Galea, u 20% ta’ Carrac Limited (propjetà ta’ Dennis Montebello u ż-żewġt ibniet tiegħu, kif ukoll inkluż il-Maġistrat fil-kariga Rachel Montebello). 

2017 

Il-Fondazzjoni applikat mar-Reġistru tal-Artijiet biex tirreġistra s-sjieda ta’ medda ta’ art f’Tal-Vardati. Ir-reġistrazzjoni ġiet approvata disat ijiem wara minkejja li mal-applikazzjoni ma ssemmietx l-art inkwistjoni.  

Frar 2018 

Valentino (is-sieħeb ta’ Rachel Montebello) iffirma ftehim preliminari ma’ Carravan għall-enfitewsi (kiri) perpetwu ta’ Ta’ Għar Boffa, li jammonta għal aktar minn tliet grawnds tal-futbol fid-daqs, b’kera ta’ €43,000 fis-sena, mifdija (fi sjieda) wara 20 sena.  

Fl-istess jum Carravan iffirmat ftehim preliminari li assenjat l-enfitewsi perpetwu fuq l-istess art lil Excel Investments Limited, propjetà ta’ Joseph Portelli (azzjonist maġġoritarju), l-aħwa Agius (Ta’ Dirjanu), u Daniel Refalo. 

26 ta’ Marzu 2018 

F’kuntratt li “kkoreġa” il-kuntratt tas-27 ta’ Frar 2017, l-Arċisqof “irrinunzja għad-dritt” li jagħti kunsens għat-trasferimenti kollha tal-art permezz ta’ enfitewsi, inkluż perpetwu.  

Madwar xahrejn wara, f’Mejju 2018, wieħed mid-Diretturi tal-Excel, Mark Agius, applika biex jibni 53 appartament f’Ta’ Għar Boffa. Matul medda ta’ sentejn, iddaħħlu u ġew approvati aktar applikazzjonijiet għall-iżvilupp, fosthom blokki ta’ appartamenti li x’aktarx huma l-akbar li qatt saru f’Għawdex. 

19 ta’ Mejju 2018 

Valentino ttrasferixxa ż-żona msejħa Ta’ Marga lil Dei Conti Holdings għal €42,600, li jistgħu jinfdew bħala sjieda wara 30 sena. Dei Conti jappartjeni lil Stagno Navarra. 

3 ta’ Awwissu 2018 

Valentino ttrasferixxa Tas-Sajtun, żona li tammonta għal kważi erba’ grawnds tal-futbol, ​​għal Carravan permezz ta’ enfitewsi perpetwu għal €35,500 fis-sena, li jinfdew (fi sjieda) wara 20 sena. 

17 ta’ Settembru 2018 

Art li tammonta għal 5,624 metru kwadru fuq il-kosta tal-Qala ngħatat lil Road Construction Company Limited għal barrieri bi ħlas ta’ €3,888 fis-sena kif ukoll ħlas addizzjonali għal kull metru kubu ta’ ġebel imminat, kontra avvanz ta’ €330,500 mal-iffirmar tal-kuntratt. 

Bejn Jannar u Frar 2020 

Ir-Reġistru tal-Artijiet approva r-reġistrazzjoni ta’ propjetà li saret mill-Fondazzjoni fuq żewġ plottijiet kbar ta’ art fin-Nadur, li fuqhom inbnew għexieren ta’ djar, minkejja li l-att sottomess ma semmiex l-art li għaliha saret applikazzjoni.  

Sal-aħħar tas-sena, il-Fondazzjoni bdiet tikkuntattja lis-sidien tad-dar u toffrilhom li tagħtihom titlu fuq l-art fejn jinsabu djarhom jekk ħallsu bejn €10,000 u €70,000 kull wieħed. 

10 ta’ Novembru 2020 

Bint Carmelo Galea kisbet permess ta’ ppjanar biex tibni dar f’Ta’ Marga fil-Qala fuq art miksuba mill-kumpanija ta’ Stagno Navarra. 

18 ta’ Novembru 2020 

Titan Developments Limited applikat biex tibni blokka ta’ 71 appartament f’Tas-Sajtun fuq art li kienet ingħatat lil Carravan mill-Fondazzjoni. Wara għajta, in-numru ta’ appartamenti naqas għal 51 appartament.  

21 ta’ Diċembru 2020 

Fin-Nadur, tliet individwi marbutin mal-iżviluppatur tal-proprjetà Joseph Portelli, fosthom oħtu u kuġinuh, iffirmaw kuntratti mal-Fondazzjoni li fihom dawn tal-aħħar aċċettaw it-titlu tagħhom, miksuba permezz ta’ preskrizzjoni akkwiżittiva, bi ħlas ta’ €10,000 u €70,000. Madankollu r-Reġistru tal-Artijiet ċaħad it-tentattivi tal-Fondazzjoni li tneħħi r-reġistrazzjoni ta’ dawn il-partijiet tal-art. 

11 ta’ Awwissu 2020 

Carravan ta appartament lil kull wieħed mit-tlett itfal ta’ Joseph Vella u lil martu armla f’Ta’ Għar Boffa. Fil-kuntratt, il-Fondazzjoni ttraskurat li tippreżenta sentenza tal-Qorti li kienet annullat il-kirja enfitewtika mogħtija lil Vella sa mill-1991. 

1 ta’ Mejju 2021 

Il-ftehim preliminari li sar fl-14 ta’ Frar 2018 sar tajjeb meta Excel ħallset madwar €1.5 miljun lil Carravan biex tixtri diversi garaxxijiet u appartamenti fl-iżvilupp tagħha stess f’Ta’ Għar Boffa. It-tranżazzjonijiet saru f’sensiela ta’ 10 kuntratti. 

Novembru 2021 

L-Awtorità tal-Ippjanar tat permess lill-iżviluppatur Ta’ Karkanja għal blokka ta’ 8 appartamenti f’Ta’ Marga fuq art mogħtija lil Stagno Navarra. 

Jannar 2023 

L-Avukat Patrick Valentino, li huwa r-rettur tal-Fondazzjoni, talab lill-Gvern u ’l-qrati biex jerġa’ jiddaħħal it-titlu tal-Fondazzjoni fuq biċċiet ta’ art fin-Nadur, u tiddikjara ksur ta’ drittijiet. 

Valentino daħħal rikors kostituzzjonali wara l-introduzzjoni tal-Avviż Legali 73 tal-2022 fi Frar, li rriżulta fir-revoka tar-reġistrazzjonijiet kollha tal-art f’żona kbira tan-Nadur, li kienet tinkludi t-titli tal-Abbazia. 

Frar 2023 

Id-dereġistrazzjoni tal-hekk imsejħa Land Registration Area (LRA) għaddiet b’avviż legali, bil-Ministru tal-Intern ‘iffriża’ kull forma ta’ reġistrazzjoni, sentejn biss minn meta n-Nadur u rħula oħra Għawdxin kienu finalment reġistrati bħala LRAs. 

Marzu 2023 

Il-Gvern qata’ t-talba tal-Fondazzjoni u neħħa r-reġistrazzjoni tat-titlu fuq l-artijiet fin-Nadur. Il-Gvern kien saħaq li dan seħħ għall-interess pubbliku, iżda l-Avukat Patrick Valentino talab mill-ġdid lill-Gvern u lir-Reġistratur tal-Artijiet biex jerġgħu jdaħħlu t-titlu tal-Fondazzjoni fin-Nadur, u jiddikjaraw ksur ta’ drittijiet, b’kumpens għad-danni li allegatament ġarrbu. 

Diċembru 2023 

Familja Għawdxija ġiet ordnata biex titlaq minn darha fil-Qala li ilhom jgħixu hemm għal aktar minn 30 sena, u dan potenzjalment iwassal għat-tneħħija sfurzata ta’ għexieren ta’ familji oħra maqbuda fl-istess tilwima.  

Id-deċiżjoni tal-Qorti ordnat lill-familja Cauchi tagħti lura l-art oriġinali u bl-iżvilupp kollu fuqha lill-Fondazzjoni.  

More in Socjali