Twil 2.4 kilometru, l-hekk imsejjaħ ‘mitjar’ sekondarju tal-ajruport, sarlu xogħlijiet ta’ ristrutturar li jinkludu sensiela ta’ interventi biex isaħħu u jimmodernizzaw l-infrastruttura ta’ Mitjar 05-23.
Dawn inkludew; kisi b’madwar 35,000 tunnellata ta’ asphalt speċjali, bidla ta’ madwar 3,000 metru kwadru ta’ konkrit miksur, l-iskavar ta’ 50 kilometru ta’ kanali fil-ġnub tal-mitjar u l-installazzjoni ta’ 35 kilometru cables, 100 tappiera ġdida biex jiffaċilitaw xogħlijiet ta’ manutenzjoni, l-installazzjoni ta’ aktar minn 2.4 kilometri ta’ pajpijiet għall-ilma tax-xita, l-applikazzjoni ta’ sinjali ġodda biż-żebgħa fuq medda ta’ 6,500 metru kwadru u finalment l-installazzjoni ta’ sistema ta’ dawl biex tikkumplimenta l-installazzjoni ta’ 300 bozza ġdida tul il-mitjar.
Mitjar 05-23, tintuża l-aktar mill-ajruplani tal-Avjazzjoni Ġenerali u anke minn istituzzjonijiet ta’ taħriġ tal-avjazzjoni.
Minħabba l-kobor tax-xogħlijiet infrastrutturali li kellhom isiru, dan il-proġett inħadem f’fażijiet li kienu ppjanati b’mod metikoluż, bl-iskavar, il-bini u r-rikostruzzjoni ta’ partijiet mill-mitjar jibqgħu għaddejja bil-lejl u binhar, bil-għan li x-xogħlijiet jitlestew b’mod sigur u fl-iqsar żmien possibbli.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta spjega kif eventealment fis-snin li ġejjin mistennija jibdew xogħlijiet infrastrutturali importanti fuq il-Mitjar 13-31, il-mitjar ewlieni tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Alan Borg, Kap Eżekkutiv tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, esprima l-gratitudni tiegħu lit-tim ta’ 400 persuna li kien involut f’dan il-proġett.