Malta se tibgħat 25 mine detoctor fl-Ukrajna li bħalissa l-pajjiż jinsab għaddej fi gwerra, bħala parti mill-mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropeja tal-Protezzjoni Ċivili. Dawn id-detectors se jkunu qed jintużaw f’żoni ristretti tal-Ukrajna.
Din se tkun it-tieni darba f’sena li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jkun qed jibgħat għajnuna umanitarja lill-poplu Ukren wara li f’Jannar li għadda kien bagħat generators lill-istess pajjiż, u kif ukoll wara li matul din is-sena l-istess Dipartiment bagħat għajnuna lit-Turkija, is-Sirja, il-Greċja u l-Libja.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, żar il-kwartieri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far u qal “Għal darb’oħra Malta qed terġa’ tibgħat għajnuna umanitarja lill-pajjiż ieħor.”
Ic-Chief Assistance Rescue Officer, Fredrick Sammut, mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, spjega kif dawn il-mine detectors se jkunu qed jintużaw mill-poplu Ukren biex ikun żgurat li l-art hija waħda sigura u ma hemmx perikli.
Preżenti wkoll għal din iż-żjara kien hemm id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, u d-Direttur tal-Operat fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili Anthony Pisani.