Imħabbra l-pjanijiet għall-avveniment ta' lejliet l-ewwel tas-sena fil-Belt Valletta

Numru ta' artisti lokali se joffru spettaklu waqt lejliet l-ewwel tas-sena fil-Belt Valletta, fi Pjazza San Ġorġ. L-avveniment se jibda fit-8:30pm u se jibqa għaddej sa 2:00am

 

Tħabbru l-pjanijiet loġistiċi qabel l l-avveniment ta’ nhar il-Ħadd li ġej fi Pjazza San Ġorġ li jimmarka l-għeluq tal-2023 u l-bidu tal-2024.

Waqt konferenza stampa ġie spjegat kif dan huwa l-ikbar avveniment tal-aħħar tas-sena f’Malta, fejn mistenni li jattendu aktar minn 50,000 persuna. Dawk li se jattendu se jaraw diversi spettakli minn artisti lokali, mit-8:30 ta’ filgħaxija sa 2:00 ta’ filgħodu.

Il-lejla se tibda b’Lara and the Jukeboys band, fejn imbgħad se tieħu r-riedni f’idejha The Palace String Orchestra mmexxija minn Ryan Paul Abela flimkien ma’ line up ta’ wħud mill-aqwa kantanti lokali, fosthom AIDAN, Drakard, Klinsmann, Jasmine, Megan May, Sarah Bonnici kif ukoll Emma Muscat bħala mistiedna speċjali. Dawn se jkunu qed ikantaw uħud mill-aqwa kanzunetti li ħarġu matul l-2023 u anki oħrajn li llum huma meqjusin klassiċi. Ron, Taryn Mamo Cefai u Keane Cutajar se jkunu qed jippreżentaw din is-serata.

Lejn l-aħħar tat-tokki ta’ nofsillejl, il-preżentaturi flimkien ma’ Dj Koroma u Dj Miggy se jkunu qed iferrħu lill-folla fil-Belt u lil dawk li se jkunu qed isegwu live fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, b’mużika mill-aqwa, effetti speċjali fuq il-palk u logħob tan-nar, li kolletivament se jagħtu bidu għas-sena 2024

Se jkun hemm ukoll servizzi speċjali tat-trasport pubbliku b’sigħat miżjuda, din mistennija żżid l-aċċesbilità u l-kumdità għal dawk li se jżuru dan l-avveniment. Il-lift pubbliku ukoll se jkun qed jaħdem sa tard.

Preżenti għall-konferenza kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u ċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef.

 Bonnici spjega s-sinifikat ta’ dan l-avveniment li jilqa’ s-sena l-ġdida, filwaqt li Micallef qal li jinsab onorat li se jkun qed jittella’ l-ikbar avveniment lokali ta’ lejlet l-Ewwel tas-Sena proprju fil-qalba tal-Belt Valletta.

Iċ-ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena huma organizzati minn G7 Events bi Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Wieħed huwa mitlub li jżur il-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal iktar informazzjoni.

More in Socjali