Ħarsa lejn l-2024 | L-ewwel parti
Maqsuma fi tlett partijiet, diversi persuni minn oqsma differenti jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom għas-sena 2024
minn Luigi Sghendo / Elaine Camilleri
President tal-MHRA
“L-aktar bidla importanti li se sseħħ fl-2024 għall-industrija tat-turiżmu hija l-mewt tal-Air Malta” – Tony Zahra
L-aktar bidla importanti li se sseħħ fl-2024 għall-industrija tat-turiżmu hija l-mewt tal-Air Malta fit-30 ta’ Marzu u t-twelid ta’ KM Malta Airlines. Is-suċċess jew le tal-linja l-ġdida tal-ajru jista’ jinfluwenza mhux biss l-industrija tat-turiżmu iżda l-ekonomija Maltija kollha.
L-industrija tat-turiżmu tirrappreżenta parti sinifikanti mill-ekonomija. Ikun tajjeb ħafna jekk Malta jista’ jkollha viżjoni ċara ta’ 15-il sena ta’ fejn nixtiequ l-industrija li tkun. Dan se jiżgura li l-investimenti fl-industrija kemm jekk iebsa bħal bini u infrastruttura, jew artab bħar-riżorsi umani – taħriġ, edukazzjoni, eċċ. – kollha jkunu jistgħu jiġu mgħoddija fl-istess dewmien biex jinkisbu riżultati massimi.
Hemm bżonn li timplimenta numru ta’ affarijiet, fosthom:
1. aktar tindif u dehra aktar pulita tal-pajjiż. Il-pajjiż jidher mitluq speċjalment fis-sajf;
2. aktar progress dwar l-ambjent – dwar it-trasport u aktar infurzar.
3. li tiżgura li l-provista ta’ enerġija u distribuzzjoni se jilħqu d-domanda fil-quċċata tas-sajf. Tevita qtugħ tad-dawl bħal tas-snin li għaddew.
President taċ-Chamber of SMEs
“L-2024 nixtiequ li n-negozji jkomplu jaħdmu bl-inqas xkiel” – Paul Abela
Għas-sena 2024 bħal kull sena oħra qed nistennew li jkun hemm diversi sfidi, b’mod partikolari fejn jidħol negozju. Madanakollu kif dejjem għamilna s’issa, bir-rieda u bl-impenn li naħdmu lkoll flimkien u bl-għajnuna tal-Gvern nemmnu li kull sfida tista’ tiġi megħluba.
Fl-2024 nixtiequ li nkomplu naraw progress sostenibbli u li n-negozji jkomplu jaħdmu bl-inqas xkiel possibbli.
Hemm diversi inizjattivi u proposti li għamilna għall-Baġit 2024 li nemmnu għandhom ikunu introdotti, iżda nittamaw li matul l-2024 uħud minnhom jibda jsir xogħol biex jigu implimentati. Dawn jinkludu tnaqqis ta’ taxxi għan-negozji u inizjattivi biex titrażżan l-inflazzjoni fost oħrajn.
Ġurnalist - Kap ta’ One News
“Soċjalment nittama li s-sena li ġejja l-popli ma jibqgħux isofru l-inġustizzji” – Josef Caruana
Din is-sena, bla dubju, nemmen li għandha tkun is-sena li tħalli impatt qawwi ambjentali, b’kontinwazzjoni ma’ dak li diġà sar fl-aħħar għaxar snin u li ħafna drabi għandna t-tendenza li ninsew.
Fost oħrajn, il-qalba għall-gass fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, il-livell ogħla ta’ infrastruttura li nħolqot, l-inċentivi għal aktar użu tat-trasport pubbliku, l-akbar sostenn biex jinqalbu karozzi bi fuel konvenzjonali għall-elettriku, huma lkoll miżuri li minnhom gawdejna bħala poplu, fl-istess waqt li kkumplimentaw il-proċess biex il-pajjiż jistagħna iżjed u jikber sena wara oħra.
Dak li sa għaxar snin ilu konna ngawduh biss għax inħarsu lejn pajjiżi oħrajn lil hinn, illum nistgħu ngawduh ukoll fostna, anke jekk fil-limitazzjonijiet kollha li jagħmluna li aħna.
U anke wara li fl-aħħar żmien kien hemm injezzjoni tajba biex ikun hemm aktar spazji miftuħa li jitgawdew minn kulħadd, l-2024 konvint li se tara l-bidu għall-ħolqien ta’ proġetti kbar, kif imwegħdin, bħal dawk fil-qalba tar-Rabat, Għawdex, u f’San Ġwann, fejn il-proċess preparatorju fuqhom qabad sew.
Poplu b’saħħtu, li hu wkoll l-unika riżorsa li għandu l-pajjiż, jeħtieġ tali spazji għall-iżvog tiegħu.
Soċjalment nittama li s-sena li ġejja, il-popli, inkluż dak Malti, ma jibqgħux isofru l-inġustizzji u r-riperkussjonijiet ta’ gwerer li m’għadhomx jagħmlu sens jew konflitti li ilhom ikarkru l-għexieren ta’ snin, minfuħin minn interessi li mhux dejjem ikunu viżibbli fl-għajnejn.
B’xortina, f’pajjiżna l-affarijiet huma bil-wisq aħjar minn dawk ta’ oħrajn, anke madwarna, grazzi għall-għaqal fit-tmexxija u d-deċiżjonijiet li jkomplu jimbottawna ’l quddiem, waqt li nħarsu biss lura bħala riflessjoni ta’ kif konna jew fejn nistgħu nerġgħu nispiċċaw jekk ma nirrealizzawx li għad fadal ħafna xi jsir biex inżommu livell tajjeb t’għejxien.
Għaldaqstant nittama li l-influssi ħżiena importati ma jibqgħux ikunu ta’ piż, u ladarba flejjes kbar li qed jinħarġu biex jipproteġuna mill-kriżi tal-enerġija, jittaffew dejjem iżjed biex ikunu jistgħu jiġu investiti f’iżjed titjib għall-ġid tal-komunità.
B’hekk jagħmlu wisq sens l-inizjattivi mħabbrin mill-Gvern favur iżjed sorsi ta’ enerġija alternattiva, inkluż bi proġetti lil hinn mill-ibħra territorjali Maltin.
Mill-bqija nawgura li b’mod individwali nirrealizzaw iżjed kemm hi sabiħa l-ħajja u nsibu aktar ħin biex, f’bilanċ bejn ix-xogħol u l-għejxien, ingawdu lill-għeżież tagħna u lil xulxin bl-aħjar mod, bla ma nkunu ta’ inkonvenjent għal ħadd.
Avukat
“Nixtieq nara mwettqa inizjattivi li ilhom jiġu mwiegħda u minsija” – Désirée Attard
Fl-2024 nixtieq nara iktar persuni u komunitajiet konxji mill-poter kollettiv tagħhom stess. Rebħiet sinifikanti bħalma kienu dawk tal-komunità ta’ Wied il-Għajn, li rnexxielha xxejjen il-pjanijiet għal marina għall-jottijiet. Jew rebħiet bħal tal-komunità Mostija, li pprotestat b’suċċess il-qlugħ ta’ siġar fil-qalba tal-Mosta. Dawn għandhom jispirawna biex inkunu iktar attivi f’movimenti soċjali u lokali. Pajjiżna jeħtieġ il-kontribut tal-imħuħ u jdejn li, lil hinn mill-aħmar u l-blu, jixtiequ jaraw Malta iktar ġusta.
Mil-lat ta’ politika u liġi, nixtieq nara mwettqa inizjattivi li ilhom jiġu mwiegħda u minsija, u li huma kruċjali għall-kwalità ta’ ħajjitna – mill-politika dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva, li ilha ma tiġi aġġornata tlettax-il sena, għall-introduzzjoni tal-building codes, regolamenti essenzjali biex finalment jibda jiġi regolat is-settur tal-kostruzzjoni b’serjetà, u inizjattivi oħrajn.
President Emeritu
“Qed ngħixu f’dinja li ma tistenniex u mhix tħallielna ħin għal xulxin” – Marie-Louise Coleiro Preca
Għandna bżonn naħdmu fuq il-bini u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna, fil-familji, fil-komunità, u fis-socjetà.
Qed ngħixu aktar f’dinja virtwali, aktar milli ma’ xulxin. Qed ngħixu wkoll f’dinja li ma tistenniex u mhix tħallilna ħin għal xulxin.
Jinħtieġ insibu s-sens tal-bilanc mill-ġdid biex nerġgħu niskopru s-sabiħ li nkunu flimkien, nitkellmu flimkien, u naħsbu f’xulxin.
Qed naraw konsegwenzi li jtaqqluna, ngħidu aħna s-solitudni u aktar żieda fin-nies li qed iħossuhom waħedhom, sfidi ta’ saħħa mentali, ansjetà fit-tfal, dipendenzi fuq sustanzi, u suwicidji.
Għalhekk għall-2024, verament nixtieq li nħarsu lejn il-policies soċjali, ekonomiċi, ambjentali, u nirriflettu fuqhom f’dan il-kuntest, u nibdlu jew insaħħu jew nintroduċu oħrajn ġodda, biex nagħtu spinta li nerġgħu niskopru s-sabiħ li nkunu flimkien f’relazzjonijiet li jagħtu sens ta’ wellbeing fid-dimensjoni sħiħa tiegħu.
Għall-2024 nixtieq ukoll li nkompli nara lill-Gvern ikompli jiżviluppa u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali ma’ aktar pajjiżi u jkompli jikkommetti lil Malta favur il-ġustizzja u l-paċi, għax pajjiż newtrali.
Annimalista
“Għandu bżonn ikun hemm liġijiet li jipproteġu l-annimali” – Moira Delia
Bidliet li qed nistenna għas-sena 2024 huma li jkun hawn iktar rispett u mħabba lejn xulxin u lejn l-annimali, għaliex tlifniehom. U anke rridu nitgħallmu li l-ħdura mhix ħmieġ, imma hija n-nifs tal-bniedem.
Li rrid nara differenti għas-sena d-dieħla hu li daqs l-ammont ta’ bini li hawn, ikun hawn siġar. Hemm żewġ inizjattivi li nixtieq ikunu implimentati għax ilhom għaddejjin; il-Leġiżlazzjoni tat-Trobbija tal-Annimali u l-Leġiżlazzjoni taż-Zoo. Il-Leġiżlazzjoni tat-Trobbija tneħħi l-problema kbira ta’ klieb li hawn fl-Għammieri. Il-Leġiżlazzjoni taż-Zoo tikkontrolla l-kwantità ta’ tigri li hawn Malta. Għandu bżonn ikun hemm liġijiet li jipproteġu l-annimali. Ħaġa oħra li nixtieq nara hi li jiġi kkontrollat it-traffiku. Mhux billi niftħu aktar toroq u nirranġaw aktar toroq. Hemm bżonn kontroll fuq il-kwantità ta’ karozzi li qed jiżdiedu kuljum u mhux nakkomodaw aktar karozzi u nagħmlu aktar wisa’.