Ħarsa lejn l-2024 | it-tielet parti
Maqsuma fi tlett partijiet, diversi persuni minn oqsma differenti jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom għas-sena 2024
minn Luigi Sghendo / Elaine Camilleri
Politiku indipendenti
“Nixtieq nara x-xmajjar tal-konkrit jitwaqqfu” – Arnold Cassola
Nixtieq trasport pubbliku effettiv li jinċentiva lin-nies iħallu l-karozza d-dar, li n-nies arroganti jisparixxu minn pajjiżna, li dawk li serqu lil pajjiżna ssir ġustizzja magħhom, li l-ħtieġa ta’ soup kitchens tonqos u li r-rispett u t-tolleranza lejn ħaddieħor jittrijonfaw.
Qed nistenna li ssir ġustizzja mal-pensjonanti kollha, b’mod partikolari ma’ dawk li twieldu qabel l-1962 u għalhekk li ma nibqgħux għaddejjin bid-diskriminazzjoni preżenti, fejn min ħallas il-massimu tal-bolla qed jingħata biss €9.21 mit-82 neqsin kull ġimgħa, min irid jieħu din id-differenza prorata baqa’ ma ħa xejn, u ommijiet li twieldu bejn l-1952 u l-1961 jieħdu biss nofs l-erba’ snin bolla mħallsa għal kull wild, li jieħdu l-ommijiet li twieldu wara 1962, waqt li l-ommijiet li twieldu qabel l-1952 jieħdu ... ŻERO. Din mhijiex “Malta Ġusta”.
Irridu nimmiraw għall-ogħla livelli f’dak li għandu x’jaqsam ma’ standards ambjentali, meritokrazija, kwalità ta’ ħajja diċenti, trasparenza u governanza ġusta.
Bħalma wrew fil-każ tal-inkjesta ta’ Jean Paul Sofia, in-nies u s-soċjetà ċivili jistgħu jagħmlu d-differenza ... anki permezz tal-vot tagħhom.
Avukat għad-drittijiet tal-bniedem
“Nistenna nara iktar responsabbiltà mill-ġenituri” – Lynn Faure
Qed nistenna bidla fil-mod kif ċivilment naġixxu u kif nikkoperaw ma’ xulxin. Nistenna nara iktar responsabbiltà mill-ġenituri b’rispett lejn id-drittijiet fundamentali tat-tfal.
Nixtieq nara bidla fil-leġiżlazzjoni, bidla li tagħti s-setgħa li jidħol l-istat meta ġenitur evidentement ifalli mill-irwol tiegħu/a bħala omm/missier.
Iktar inizjattivi u proċeduri li jimxu fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza. Li ninfurzaw, insaħħu u nesiġu din ir-responsabbiltà tal-ġenituri b’mod effettiv. Il-kodiċi ċivili jridu jkunu iktar ċari għal meta l-ġenituri jiksru d-drittijiet fundamentali u għandu jkun hemm konsegwenzi permezz tal-infurzar fost oħrajn.
Ġurnalista politiku
“Nixtieq nara iktar trasparenza” – Dione Borg
Se tkun determinanti ħafna mill-elezzjonijiet lokali u tal-MEP, hekk kif se jġorru ċertu piż għas-sena 2024. Matul din is-sena nemmen li n-nies qed jistennew Gvern li jirreaġixxi għall-kwistjonijiet ewlenin bħall-inflazzjoni, il-mudell politiku, soċjali u ekonomiku.
Waħda mill-aktar bidliet hija li jiġu msaħħa l-istrutturi politiċi fejn iċ-ċittadin ikollu iktar vuċi u governanza aħjar. Nixtieq nara iktar trasparenza, kontabbilità u aktar awtonomija billi, pereżempju, il-poplu jipparteċipa aktar f’deċiżjonijiet sinifikanti.
Għas-sena 2024 nixtieq nara iktar inizjattivi li jiffavorixxu n-narrattiva favur ambjent isbaħ u iktar nadif u li jkompli jonqos il-faqar fosthom b’inizjattivi li jgħinu fit-tnaqqis tar-rata tal-inflazzjoni.
Lettur
“Nistenna li l-affarijiet ma jibqgħux kif inhuma bil-biża’ minn min hu fil-poter” – Ġorġ Mallia
Nemmen li s-soċjetà qiegħda fi stat staġnat. Qed naċċettaw kważi kull ħaġa ħażina, minn bini sfrenat, karozzi kullimkien u sfidi oħra. Qed nistenna li l-affarijiet ma jibqgħux kif inhuma bil-biża’ minn min hu fil-poter.
Nistenna li bħala soċjetà nanalizzaw il-politika u l-pilastri fundamentali, u nifhmu fejn qegħdin biex insibu soluzzjonijiet aħjar għal soċjetà aqwa.
Nemmen li għandha ssir laqgħa nazzjonali biex persuni b’mod liberali u mingħajr biża’, jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u l-isfidi li qed jaffaċċjaw bil-għan li jingħata l-poter tal-bidla u mhux il-poter tas-suġġeriment biss.
Segretarju tal-Association of Catering Establishments (ACE)
“Għandu jsir due diligence lil min nagħtu liċenzji għar-restoranti” – Matthew Pace
Bħala assoċjazzjoni tal-istabbilimenti tal-catering nixtieq li jiġri xi ħaġa u tinħoloq sistema biex l-ammont ta’ liċenzji jiġi kkontrollat. Ma tagħmilx sens li hawn dawn il-ħwienet tal-ikel kollha u aktar jibqgħu jiftħu. Bħalma saret skills card għall-istaff, għandu jsir due diligence lil min nagħtu liċenzji għar-restoranti.
Għandu jitħejja pjan organizzat għal xogħlijiet fit-toroq biex ministeri u awtoritajiet jaħdmu aktar flimkien biex jitnaqqas l-impatt fuq traffiku u negozji.
Bħala ACE tlabna li l-VAT tonqos bħal dil tal-akkomodazzjoni bħalma qiegħda fi 22 pajjiż ieħor ġewwa l-Unjoni Ewropea biex timminimizza l-impatt tal-inflazzjoni fuq l-industrija.
Kaċċatur
“Nifhmu aktar lil dak li jkun, u b’hekk naċċettaw aktar lil xulxin” – Lucas Micallef tal-FKNK
Li nixtieq żgur huwa li bħala poplu naċċettaw aktar lil kulħadd fil-komunità. Nifhmu aktar lil dak li jkun, u b’hekk naċċettaw aktar lil xulxin. Ma jfissirx li għax persuna ma taqbilx mal-persuna l-oħra tibda tipprova teqred lil dak li jkun.
Sfidi għandna diversi, u nixtieq bħala FKNK din is-sena l-ġdida, ikollna aktar ħin u riżorsi x’ninvestu fi proġetti edukattivi u ta’ konservazzjoni, milli kontinwament nibqgħu naħdmu bi prijorità biex nissalvagwardjaw id-delizzju tagħna għax insibu lil min b’xi mod irid iwaqqaf il-prattiċi tal-kaċċa u/jew tal-insib.
Għandna diversi proġetti li se nkunu qed niffinalizzawhom u nwettquhom din is-sena. Flimkien ma’ sħabi tal-Kunsill tal-FKNK, sottokumitati u l-eluf ta’ membri fi ħdanha, se nkunu qed nibqgħu naħdmu biex nippromovu l-użu sostenibbli ta’ riżorsi naturali u nissalvagwardjaw il-prattiċi soċjokulturali tal-insib.
Lettur u Pro Rettur fl-Università ta’ Malta
“Imma d-dinja donnha hija nieqsa minn mexxejja li kapaci jispiraw” – Carmen Sammut
Is-sena 2024 se tibda fuq nota pessimista jekk mhux distopika. Ix-xeħtiet juru li ddgħajfet bil-kbir il-legittimità morali ta’ dawk il-pajjiżi li mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn kienu jmewtu d-demokrazija u l-jeddijiet umani.
Fl-2024 ġejjin żewġ elezzjonijiet li mistennija jżidu t-tensjonijiet u jsaħħu l-popoliżmu tal-Lemin estrem fl-Ewropa u fl-Istati Uniti.
F’sitwazzjoni ta’ kriżi jkollok bżonn sens ta’ tmexxija. Imma d-dinja donnha hija nieqsa minn mexxejja li kapaċi jispiraw u jirxoxtaw ir-rieda tajba li twassal għal aktar ġustizzja, żvilupp u paċi fl-ispirtu tas-sostenibbiltà.