Id-dar tal-Providenza ġabret €1,520,517 f'donazzjonijiet matul ‘Festa ta’ Ġenerożità’ ilbieraħ, fl-ewwel jum tas-sena.
Mill-irkant ta’ pitturi u arti u skulturi, inġabru iktar minn €39,000.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Organizzazzjonijiet Volontarji u Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, li rrappreżentat lill-Prim Ministru Robert Abela, tat €25,000 mill-Good Causes Fund.
Din is-sena, Festa ta’ Ġenerożità ġiet iċċelebrata fis-Siġġiewi, bdiet b’quddiesa flimkien mal-Arċisqof Scicluna, u attenda ukoll il-President George Vella. Dan l-avveniment baqa’ għaddej sa nofsillejl.
Id-donazzjonijiet li jinġabru jmorru lejn 115 persuni b’diżabilità f’servizzi residenzjali li jgħixu f’Dar il-Providenza. Barraminnhekk, uħud mid-donazzjonijiet se jgħinu ukoll f’rinovazzjonijiet f’Villa Papa Giovanna fis-Siġġiewi.
Dun Martin Micallef, id-direttur tad-Dar, irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tas-solidarjetà tiegħu.
Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna ffoka fuq il-ħames barkiet li l-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila jsemmi fl-Innu Nazzjonali: għerf, karità, saħħa, għaqda u paċi li għandhom jiggwidawna matul is-sena. Awgura paċi f’qalb għax min m’għandux paċi f’qalbu huwa fqir filwaqt li dawk li jħaddnu l-paċi huma tassew sinjuri.
Fil-konċelebrazzjoni, l-Arċisqof kien assistit minn Mons Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Dun Josef Mifsud, Arċipriet tas-Siġġiewi, u Dun Martin Micallef, Direttur, u Dun Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali ta’ Id-Dar tral-Providenza.